Arkeologi Torok jemmnu li sabu l-qabar tas-Santa Klaws oriġinali, magħruf ukoll bħala San Nikola.
Qabar f’kundizzjoni tajba ħafna nstab taħt il-Knisja ta’ San Nikola fid-distrett ta’ Demre f’Antalja fil-Lbiċ tat-Turkija, fejn huwa maħsub li San Nikola twieled.
Il-knisja ta’ San Nikola f’Demre hija destinazzjoni popolari ħafna għall-pellegrini bħala l-post tal-mistrieħ finali ta’ dan il-qaddis maħbub, u skavi arkeoloġiċi ilhom iseħħu fiha għal dawn l-aħħar 20 sena.
Demre hija mibnija fuq il-fdalijiet ta’ Myra, belt ta’ żmien il-Griegi fejn San Nikola huwa stmat li għex tul is-seklu 4.
Sa issa iżda kien maħsub li l-fdalijiet ta’ San Nikola jinsabu f’Bari fl-Italja, wara li xi baħħara Taljani fl-1087 kienu ġabu magħhom b’kuntrabandu l-għadam tal-qaddis minn Demre waqt li l-Imperu Biżantin kien qed jiġi maħtuf mit-Torok Seljuk.
Iżda minn dokumenti li ġew skoperti riċentement fiż-żona tal-Antalja, l-arkeologi Torok issa jemmnu li l-fdalijiet kienu ta’ qassis lokali u mhux il-qaddis, li l-ġisem tiegħu jista’ jkun għadu fil-kumpless tat-tempju.
Issa ser ikunu ix-xogħolijiet ta’ eskavazzjoni, li bħalissa għadhom għaddejin, li jiddeterminaw jekk filfatt il-fdalijiet tal-qaddis għadomx miżmuma hemmhekk jew le.
Il-qaddis kien magħruf għall-qalb tajba u l-umilta’ li kellu, li wasslu biex tul is-sekli sar leġġendarju u kien popolarizzat bħala ‘Father Christmas’, li jagħti rigali lit-tfal. L-Olandiżi għandhom il-verżjoni tagħhom, is-“Sinterklaas” li tferrfext meta stabbilixxew kolonji fl-Amerika, minn fejn eventwalment ġiet żviluppata l-verżjoni ta’ “Santa Klaws” li nafu llum.