Mario Lia, kummissjonant tal-funerali weħel sena ħabs sospiżi u ma jistax jivvota għal għomru wara li nstab ħati li xaħħam carer fl-isptar tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo li kien jinfurmah minnufih bid-dettalji ta’ min ikun miet biex dan il-kummissjonant jikkuntatja l-qraba u joffri s-servizz tal-organizazzjoni tal-funeral.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo intqal li Lia kien ftiehem mal-carer Anthony Mercieca u kien qallu li se jieħu ħsiebu.
Dan il-każ feġġ wara li raġel li kien għadu kif miet missieru kien mar jilmenta mal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei li żewġ kummissjonanti tal-funerali saru jafu bil-mewt qabel ma kien jaf hu stess.
Ir-raġel kien qal li d-dar sab żewġ business cards ta’ żewġ kummissjonanti.
Dwar dan il-kummissjonant l-ieħor Angelo Vella u l-carer Anthony Mercieca tressqu l-Qorti b’mod separat b’rabta ma ksur tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data.