L-istqarrija tal-Oppożizzjoni dwar il-powerstation il-ġdida li taħdem bil-gass hija sempliċiment konferma oħra ta’ kemm l-istess Oppożizzjoni trid treġġa’ l-arloġġ lura biex pajjiżna jibqa’ juża ż-żejt li jniġġeż.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, b’referena għal talba tal-Oppożizzjoni lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, li l-Ministeru qal hija skoretta għal kollox.
Kienet talba għal laqgħa mal-Bord tal-istess Awtorità dwar il-permess tat-tanker tal-gass, li ġiet miċħuda mill-bord tal-Awtorità unanimament, inkluż minn rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista li hu fl-istess bord.
Dan għaliex proċess b’rabta mal-permess, li se jassigura qalba għall-gass u għalhekk arja aktar nadifa, huwa miftuħ, ibbażat fuq konsultazzjoni wiesgħa u skont il-liġijiet tal-pajjiż u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru José Herrera jħoss li huwa inspjegabbli kif l-Oppożizzjoni qed tippretendi li tingħata trattament preferenzjali u ’l fuq mil-liġi.
“Dan huwa xhieda ta’ min huwa parti mill-establishment u b’arroganza jaħseb li għandu d-dritt divin li jmexxi anke kontra l-liġijiet tal-pajjiż” ittemm tgħid l-istqarrija.