B’mod regolari, l-Awtorità Maltija tal-Mediċini, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, twettaq spezzjonijiet f’fabbriki Maltin u anki internazzjonali, li jimmanifatturaw il-mediċini, biex tassigura li meta jinbiegħu fl-ispiżeriji jew jingħataw lill-pazjenti fl-isptarijiet, ikunu ta’ kwalità għolja u sigura, skont standards Ewropej.
Ma’ wieħed mit-timijiet li jwettqu dawn l-ispezzjonijiet, żorna l-Aurobindo f’Ħal Far – waħda mill-fabbriki f’pajjiżna li tanalizza eluf ta’ konsenji ta’ mediċini kull xahar f’laboratorji apposta qabel ma jkunu ċċertifikati li jistgħu jinbiegħu fis-suq Ewropew.
Iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott spjega li waħda mill-funzjonijiet ewlenin tal-Awtorità hija li tara li l-mediċini fl-Ewropa – u allura, anki f’Malta, ikunu ta’ kwalità għolja, skont standards Ewropej, imsejħa bħala EU GMP, li jiżguraw prattiċi tajbin tal-manifattura.
“F’dawn l-aħħar għaxar snin żviluppajna EU GMP għal pajjiżi terzi, barra mill-Ewropa, għandna f’idejna fuq l-erbgħin industrija li aħna inkarigati li naraw li dawn huma skont EU GMP meta jieħdu ċ-ċertifikat oriġinali, u daqstant ieħor huwa importanti li jżommu dawn l-istandards f’kull ħin u f’kull mument li jaħdmu.”
Waqt spezzjoni f’din il-fabbrika, Stephanie Farrugia, mid-Direttorat tal-Ispezzjonijiet u l-Infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Mediċini, spjegatilna kif isiru l-ispezzjonijiet f’fabbriki fejn jiġu mmanifatturati u ttestjati l-mediċini.
“Indumu madwar ħamest ijiem, skont kemm tkun kbira l-fabbrika u niċċekkjaw il-proċeduri, il-laboratorji, l-operat kollu u naraw li huwa konformi mal-liġi Maltija u dik Ewropea, għax aħna meta niċċertifikawhom, naraw li huma jistgħu jimmanifatturaw il-prodotti għas-suq Ewropew, mhux Malti biss.”
Dawn l-ispezzjonijiet iżommu l-aċċessibilità fis-suq, hekk kif ħafna mill-mediċini jinħadmu f’pajjiżi terzi – bħaċ-Ċina u l-Indja.
L-Awtorità Maltija tal-Mediċini ma tagħmilx biss spezzjonijiet f’Malta, imma anki f’pajjiżi lil hinn, biex tassigura li l-fabbriki tal-mediċini jimxu mal-istandards Ewropej.
“Din l-aċċessibbiltà toħloq ċertu kompetizzjoni u b’hekk il-prezzijiet jistgħu jżommu ruħhom iżjed stabbli u xi drabi, meta nsibu industrija u niċċertifikawha li tista’ tagħmel dawn il-mediċini bl-istess kwalità bħal li kieku saru ġol-Ewropa, dawn ukoll iraħħsu l-prezzijiet.”
Intant, stajna ninnutaw li l-maġġoranza tal-ħaddiema f’dawn il-laboratorji ma kinux Maltin, għaliex kif spjegalna d-Direttur Maniġjerali tal-fabbrika, hawn ħafna nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur.
Huwa appella biex aktar żgħażagħ jinteressaw ruħhom fis-settur tax-xjenza, għaliex hawn ħafna opportunitajiet ta’ karrieri f’dan il-qasam, li dejjem qed jevolvi.
“Il-pjan tagħna huwa dejjem ta’ espansjoni jiġifieri bħalissa qegħdin madwar mitejn ruħ jaħdmu magħna u għandna vacancies ta’ bejn ħmistax u għoxrin persuna oħra. Diffiċli ssib analisti Maltin u l-appell tiegħi hu liż-żgħażagħ tagħna, biex jieħdu karriera fix-xjenza għaliex xogħol hawn, kemm magħna kif ukoll fis-settur farmaċewtiku.”