Fl-aħħar snin ix-xogħol postali nbidel.
Fejn snin ilu kienu l-ittri l-aktar li jiġu mpustati, fis-snin riċenti il-pakketti b’oġġetti mixtrija minn barra ’l pajjiż saru l-aktar komuni fil-basket tal-pustier.
Lejliet il-jum iddedikat għall-pustiera, żorna ċ-ċentru minn fejn tgħaddi l-posta kollha ta’ Malta u Għawdex.
Hawnhekk rajna l-proċess sħiħ, li jibda billi ta’ kuljum isiru numru ta’ vjaġġi minn u lejn l-ajruport biex tinġieb il-posta li tasal minn barra ’l pajjiż.
Qal, “Normalment filgħodu mmorru niġbru l-airport u wara nofsinhar isir dax-xogħol tal-iscanning biex l-għada l-pustiera u l-courier drivers tagħna joħorġu b’dawn il-pakketti u jqassmuhom fid-djar tal-Maltin u l-Għawdxin.”
Il-Kap tal-Operat tal-MaltaPost spjega kif riċentament il-kumpanija nvestiet f’ħamsin vettura elettrika, li apparti li huma ħbieb tal-ambjent, jiffaċilitaw ukoll ħidmet il-pustiera.
Spjega, “Allura qed ninvestu f’vetturi elettriċi li l-pustiera jkunu jistgħu jgħabbu dawn il-pakketti f’dawn il-vetturi, barra milli jgħinuhom li ma jġorrux dak it-toqol qegħdin jipproteġuhom ukoll mix-xita u mix-xemx.”
Pustiera li taħdem iż-Żurrieq tkellmet dwar l-importanza ta’ dawn il-vetturi, li għalissa qed jintużaw fiż-Żurrieq, l-Imqabba, Ħal Safi, Ħal Kirkop, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ.
Qalet, “Il-Paxter għena minħabba x-xita u minħabba t-toqol l-aktar, għax meta konna bil-mixi kien ikollna ħafna basktijiet bit-toqol u pakketti, fix-xita għena wkoll għax ma nixxarbux daqshekk, fis-sajf ukoll għax ix-xemx mhux dirett ġox-xemx.”
B’dawn il-vetturi, il-MaltaPost għandha faċilità oħra li tagħti servizz aktar fil-qrib tal-konsumatur.
Qalet, “Din tgħin għax inti minflok għandek vettura li l-ħin kollu ddur fil-lokalità, din il-vettura marret darba fl-uffiċċju postali, imliet il-parcel locker u allura hemmhekk qed ngħinu biex inħarsu l-ambjent.”
Qabel tlaqna mill-Marsa, il-pustiera rrakkontat dak li ġieli tiltaqa’ miegħu, speċjalment b’dawn il-vetturi.
Spjegat, “Il-klieb kważi kollha jagħmlu għall-pustiera u meta jarawna b’dawn aktar u aktar. Ġieli anke tmur timposta ittra u jiġbidielek mil-letterbox il-kelb.”