Bosta jgħaddu lejlet il-Milied żaqqhom mal-bank tal-kċina jlestu ikla kbira għal jum il-Milied. Ikla li tgħaqqad bosta familji madwar l-istess mejda. Fil-kċina ta’ darha fil-Fgura, Vivie Caruana, ta’ 66 sena għaddiet nofs ta’ nhar f’lejlet il-Milied tipprepara ikla kbira sabiex tiċċelebra l-Milied flimkien ma’ żewġha, it-tlett itfal tagħhom u tmien neputijiet. B’kollox Vivie preparat ikla t’erba’ platti għal ħmistax-il ruħ, bl-ewwel platt ikun soppa tal-qara’ aħmar, it-tieni kannelloni u għall-platt ewlieni se sservi majjal u tiġieġ bil-patata u l-ħaxix. Hija spjegat li filwaqt li matul is-sena hija xorta tkun qrib ta’ familtha, il-Milied jagħmel l-ikla iżjed speċjali.
“Ħafna nieħu pjaċir jien, anke jekk ma niekolx jien basta nara lilhom qed jieħdu gost, lit-tfal u t-tfal tat-tfal u dak is-sodisfazzjon. Insajjar minn qalbi u nieħu pjaċir narahom jieklu kollha flimkien”.
Żewġha Charlie saħaq li għalkemm l-ikla tal-Milied fiha ħafna xogħol, ikun qed jistennieha għaliex għandha tifsira kbira warajha.
“Sakemm aħna ħajjin hux, nieħdu pjaċir b’uliedna hux. Għandna s-sodisfazzjon illi ngħidu rabbejniehom u baqgħu magħna”.
Fid-dar kien hemm ukoll bosta neputijiet li minn filgħodu marru għand in-nanniet sabiex jgħaddu lejlet il-Milied flimkien. In-neputijiet Kurt Caruana u Luke Schembri saħqu li għalkemm jgħaddu ħafna ħin man-nanniet u bosta drabi jieklu għand in-nanna madankollu ikunu qed jistennew l-ikla tal-Milied.
In-nanniet Vivie u Charles Caruana ifakkruna ngħożżu kull mument ħelu tal-ġurnata tal-Milied u napprezzaw lil dawk li jkunu mdawrin mal-mejda magħna. Dan għaliex dawn l-istess nies ħafna drabi huma dawk li jħallu l-ikbar impatt posittiv fuq ħajjitna matul is-sena.