‘Insaħħu Malta Tagħna’ – l-għajta tal-Partit Laburista fil-Konferenza Ġenerali li bdiet ilbieraħ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u se tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħadd li ġej f’Dar il-Mediterran.
L-attivitajiet ewlenin marbutin ma’ din il-konferenza se jiġu mmarkati permezz ta’ programm kuljum fuq l-istazzjon ONE fil-17:10 fejn il-preżentatur Wayne Sammut, se jkun qed jagħti lenti differenti flimkien mal-mistiedna tiegħu primarjament dwar kif din il-Konferenza Ġenerali mhux se tingħalaq fil-binja taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista iżda se tmur madwar il-pajjiż kollu. Konferenza li se toffri spazju għall-attivisti tagħna biex ikollhom sehem ċentrali fit-tfassil tal-politika tal-partit iżda wkoll spazju lis-soċjeta’ b’mod ġenerali.
Fost attivitajiet oħra, Malta ta’ Ħiliet fl-MCAST se jiġi diskuss x’Malta rridu fl-oqsma tax-xogħol u l-edukazzjoni. Fejn nemmnu li għandha tmur u tkompli tissaħħaħ it-tranżizzjoni ekonomika
Fil-Kalkara se ssir diskussjoni dwar is-saħħa mentali. Qasam tant importanti, fejn il-Partit Laburista jemmen li trid issir qabża kbira għalhekk l-importanza li dan is-suġġett jitqajjem fuq l-aġenda nazzjonali.
Fil-qalba tas-Siġġiewi, se jiġu diskussi l-komunitajiet u l-ħtiġijiet madwarhom. Mal-Kunsilli Lokali, iżda mhux biss. Ma’ kull min għandu l-komunitajiet għal qalbu. L-għaqdiet volontarji, iż-żgħażagħ, ir-residenti u n-negozji.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali jintlaħaq nhar il-Ħadd, 8 ta’ Ottubru b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta.