“Insaħħu Malta Tagħna” hija t-tema għall-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li ser issir bejn l-ewwel u t-tmienja ta’ Ottubru li ġej.
Dan ġie spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef u l-President tal-istess Partit, Ramona Attard hekk kif ġie sostnut li din it-tema temfasizza politika li trid titfassal minn fost il-komunitajiet Għawdxin u Maltin.
Fil-fatt, ġie spjegat kif din it-tema tinqasam fi tnejn. L-ewwel, dik rigward politika ta’ tisħiħ hekk kif il-Partit Laburista qed ikompli jwettaq bidliet li jpoġġu lil pajjiżna fuq quddiem nett f’diversi oqsma u jimraħ f’oħrajn ġodda. It-tieni parti tat-tema tirrigwardja Malta Tagħna hekk kif il-Partit Laburista jrid pajjiż mibni skont ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tal-Maltin.
Minn naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef sostna li fil-Konferenza Ġenerali, il-Partit Laburista jrid joffri spazju għall-attivisti tiegħu biex ikollhom sehem ċentrali fit-tfassil tal-politika tal-partit, Iżda wkoll, spazju lis-soċjetà b’mod ġenerali.
Huwa semma wkoll kif l-attivitajiet se jvarjaw fost oħrajn fuq is-suġġett tal-ħiliet fejn se jkun hemm diskussjoni dwar x’Malta rridu fl-oqsma tax-xogħol u l-edukazzjoni, il-mixja lejn it-tranżizzjoni ekonomika li l-bażi tagħha hija ekonomija b’saħħitha, is-saħħa mentali fejn nemmnu li rridu nagħmlu qabża kbira, il-komunitajiet li rridu ngħixu fihom, l-għaqdiet volontarji, iż-żgħażagħ, l-anzjani, ir-residenti u n-negozji.
Minn naħa tagħha, il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard spjegat kif din il-konferenza se tmur fid-distretti elettorali kollha biex il-Partit Laburista jispjega, iżda fuq kollox jisma’. Hija sostniet li l-Partit Laburista se jkun qed jisma’ dwar kemm u kif se Nsaħħu Malta Tagħna, iżda mhux biss hekk kif l-importanza fuq kollox li naġixxu.
Attard qasmet ukoll l-irwol ta’ partit politiku fil-Gvern fi tnejn. L-ewwel: It-twettiq tal-manifest elettorali hekk kif sostniet li l-Partit Laburista huwa kburi bil-Manifest Elettorali Malta u t-tieni, li l-Partit Laburista jibqa’ jkun kontinwament viċin in-nies u l-polz tan-nies, biex joħroġ b’ideat ġodda. Temmet tgħid li hekk se jsir f’din il-Konferenza Ġenerali.