Billi nsaħħu l-vuċi taż-żgħażagħ, id-deċiżjonijiet tal-futur ikunu jistgħu jiġu magħġuna miż-żgħażagħ stess. Hekk qalet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farruġia Portelli f’attività mtella’ minn Aġenzija Żgħażagħ bħala parti mill-proġett OPIN, pjattaforma online mmirata li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika. F’din id-diskussjoni saret konsultazzjoni diretta maż-żgħażagħ fuq il-Vot 16 u l-legalizzazzjoni tal-marijuana.
Fl-indirizz tagħha, is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli qalet li kull bidla ġġib magħha d-diskussjoni. Saħqet kif fil-ħsieb wieħed għandu dejjem jisfida l-elementi tal-madwar, u meta tisma’ opinjonijiet differenti l-punt tat-tluq ikun wieħed iktar b’saħħtu. Farrugia Portelli fissret kif iż-żgħażagħ huma fost l-iktar stakeholders importanti u għalhekk qed issir diskussjoni fuq l-estensjoni tal-vot għal min għandu 16 u 17-il sena fl-elezzjonijiet ġenerali u Ewropej.
Fuq il-legalizzazzjoni tal-marijuana, is-Segretarju Parlamentari qalet li tifhem li hawn min qed jagħfas biex nitilqu niġru b’din ir-riforma, iżda l-approċċ għaqli jkun li jkollna dibattitu effettiv li jilħaq lill-istakeholders kollha sabiex nifhmu l-implikazzjonijiet kollha tal-legalizzazzjoni.
Għall-attività attendew numru ta’ studenti minn sixth forms differenti, kif ukoll iċ-chairpersons tal-kumitati tal-Vot 16 u l-legalizzazzjoni tal-marijuana Andrew Debattista u John Ellul rispettivament, is-sindku ta’ Ħal Kirkop Terence Agius, Neil Zahra mill-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ, Graziella Calleja mir-ReLeaf movement, u Miriam Teuma minn Aġenzija Żġħażagħ.