Waqt il-workshop bħala parti mill-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fis-Siġġiewi, tkellmu numru ta’ persuni li ġejjin minn kull qasam tas-soċjetà li lkoll innotaw l-importanza tal-investiment fil-komunitajiet tagħna.
Fost dawn kien hemm l-Avukat u eks Spettur, Dr Herman Mula, li sostna kif il-preżenza tal-pulizija saħħet is-sigurtà fil-komunità, tant li llum, il-pulizija, b’mod strutturat m’għadhomx entità li n-nies iridu jmorru għaliha huma, imma qed toħroġ għan-nies hi.
Qal, “Meta titkellem fuq komunità, ma tistax ma titkellimx fuq sigurtà. Hi l-iktar ħaġa li n-nies tmiss magħha u tinkwetahom ovvjament. U fl-aħħar snin rajna tibdil notevoli, speċjalment f’dawn l-aħħar ftit snin fejn kien hemm approċċ differenti.”
Isaak Koroma, student u DJ, semma kif id-divertiment u l-attivitajiet fil-komunitajiet jifformaw parti integrali mill-kultura Maltija.
Stqarr, “Fil-lokalitajiet tagħna, id-divertiment, jekk tara x’inhuma l-akbar attivitajiet li jsiru, il-festi fi żmien il-Milied huma parti essenzjali minn dak li jagħmilna Maltin mill-kultura tagħna. Huma affarijiet li jfittxu.”
Claudette Abela Baldacchino, li taħdem fil-qasam soċjali, u l-Kunsilliera Stephanie Fenech enfasizzaw kif l-akbar bidliet jitwettqu meta r-residenti fil-komunità jiġu mismugħa u jkunu on board fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Stqarret, “Irridu nieħdu lil pajjiżna fil-livell li jmiss. Mhux biss fuq livell ta’ ambjent. Mhux biss fuq livell ta’ sigurtà, iżda wkoll fuq livell edukattiv ukoll.”
Qalet, “Aħna rridu dejjem inqisu, speċjalment aħna li nkunu qegħdin fil-kunsilli lokali, li l-komunità l-ħin kollu tinbidel. Hi magħmula min-nies u ovvjament hi xi ħaġa vibranti li għaddejja l-ħin kollu. Importanti wkoll li, bħala kunsilli, aħna nibqgħu nisimgħu dejjem lin-nies.”