It-tmexxija tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu kellha laqgħa mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana li fiha ġew diskussi għadd ta’ oqsma marbutin mal-litteriżmu. Il-Ministru Caruana wriet l-impenn u l-appoġġ tagħha u tal-Ministeru għall-Edukazzjoni lejn il-ħidma tal-Aġenzija.
“Ix-xogħol li qed tagħmel l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu huwa importanti ferm għaliex qed tħeġġeġ lit-tfal jiżviluppaw il-ħiliet komunikattivi u sa mit-twaqqif tagħha fl-2014, din l-aġenzija ħadmet u stinkat bil-għan li xxerred u ssaħħaħ il-prattiki tal-litteriżmu fost it-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti biex b’hekk ikollhom l-opportunità jiksbu l-kompetenzi meħtieġa u jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà u llum qed naraw riżultati pożittivi grazzi għal din il-ħidma, li rridu nkomplu nsaħħu”, qalet il-Ministru Justyne Caruana.
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qed taħdem biex jitjieb il-livell tal-litteriżmu f’pajjiżna li jwassal għal livell ogħla ta’ edukazzjoni u għal aktar opportunitajiet fid-dinja tax-xogħol.
Fil-laqgħa ġie diskuss kif il-programmi u l-inizjattivi tal-Aġenzija jistgħu jissaħħu u joktru biex aktar studenti jiksbu l-ħiliet bażiċi tal-litteriżmu mhux biss biex ikunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet li toffrilhom l-edukazzjoni imma wkoll biex jiżviluppaw b’mod sħiħ bħala persuni responsabbli u analitiċi.
B’mod partikolari fil-laqgħa ssemmew it-taħriġ u l-implimentazzjoni tal-intervent reading recovery, il-bżonn li jissaħħu t-timijiet tal-litteriżmu fil-kulleġġi u t-tisħiħ tal-lingwa Maltija permezz ta’ kotba u ta’ riżorsi moderni u attraenti għat-tfal kollha, kemm dawk li l-Malti għalihom huwa l-ewwel lingwa kif ukoll dawk li għalihom huwa lingwa barranija.
Fil-laqgħa sar aċċenn ukoll għall-importanza ta’ politika lingwistika għall-qasam edukattiv, fosthom il-politika li tfasslet għas-snin bikrin u għas-snin tal-primarja.