Il-pandemija tal-Covid-19 ħolqot turbulenzi kbar madwar id-dinja. Ilkoll nafu l-effett li ġabet magħha din il-pandemija, m’hemmx għaliex nelenka t-tibdil radikali li esperjenzajna u li għadna qed nesperjenzaw. Dan apparti biex ma nsemmix il-logħba politika partiġġjana li xorta qed naraw ta’ kuljum minn wħud li kont nistenna aħjar minnhom.
Lil hinn minn dan kollu, nixtieq nsemmi punt partikolari, il-famuż homeschooling. Bil-pandemija, ilkoll qed inqattgħu aktar ħin id-dar. L-iskejjel huma magħluqa u t-tfal jinsabu d-dar mal-ġenituri tagħhom. Hawnħekk tidħol l-isfida edukattiva akkademika. Rajna li s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna rnexxielha tevolvi lejn pjattaformi diġitali, fost diversi sfidi li fadal, kif ukoll bosta għalliema ħadu inizzjattivi sabiex ikomplu jagħtu lezzjonijijet lill-istudenti tagħhom b’mod virtwali. Il-benefiċċju tat-teknologija. Dan huwa kollu ta’ min ifaħħru, u l-ġenituri għandhom ikunu ta’ sapport għal dan kollu. Pero l-edukazzjoni m’hiex biss dik akkademika. Nisimgħuha ħafna din il-frażi. Iżda kemm verament il-familji qed jgħinu f’dan? Il-homeschooling m’għandux ikun biss estenzjoni tal-edukazzjoni akkademika tradizzjonali u huwa hawnhekk fejn il-familji jistgħu jagħmlu differenza f’dan iż-żmien ta’ pandemija.
Bil-ħajja mgħaġġla li konna ngħixu qabel, il-ħin sabiex ngħallmu esperjenzi ġodda u lifeskills lill-ulied kien limitat. Mix-xogħol għad-dar, homework, tisjir, faċendi, ħasil u rqad. Rutina. Bosta ġenituri jgħidu li jagħmlu x-xogħol huma għax inkella uliedom ma jagħmluhiex kif jixtiequ, jew li m’għandhomx ħin biex jerggħu jirranġaw l-oġġett wara, jew skuża li għadhom żgħar. Vera, hija sfida li mal-istil ta’ ħajja li konna qed ngħixu m’ħiex faċli. Iżda ejja nieqfu ftit u naħsbu x’nistgħu nagħmlu differenti. Ejja naħtfu din l-opportunita sabiex nużaw il-ħin li hawn min għandu iktar ma’ uliedu sabiex ngħallmuhom affarijiet bażiċi tal-ħajja. X’hemm ħażin li ngħalmuhom jgħaddu ħajta ġo labra u jħitu sempliċi buttuna? X’qed iżommna milli nuruhom kif tbiddel plakka? Għaliex ma nuruhomx kif jagħmlu l-faċendi tad-dar, iħejju l-lista tax-xirja, jqassmu l-flus u li anki jippreparaw l-lunch tagħhom u jsajjru ikel bnin? Huwa b’hekk li jippreparaw ruħhom għall-ħajja – li jkunu indipendenti, li jitgħallmu jiżbaljaw, jaċċettaw li żbaljaw u jitgħallmu minn dak l-iżball, li jitgħallmu jaħdmu ma’ ħaddieħor.
L-iżvilupp tal-individwu irid ikun ħolistiku – mhux akkademiku biss. Huwa għalhekk li dawk l-individwi li kellhom ħajja mgħaġġla u li issa ikkalmat ftit, għandhom iħarsu sabiex jgħatu edukazzjoni differenti lill uliedhom.
Dan huwa żmien ta’ sfida għal kulħadd, pero ma nistgħux nirreżistu l-bidla li qed nesperjenzaw u li għad irridu naddattaw għaliha. Bosta issa qed jirealizzaw kemm ir-rutina li konna drajna ngħixu biħa nistgħu ntejjbuha iktar u inkunu aktar effiċjenti bil-mod kif ngħixu u kif nużaw il-ħin tal-ġurnata.