‘Flimkien għal Ambjent Aħjar’ ħolqu dokumentarju bl-isem ta’ Lest We Forget, li jikkommemora l-75 anniversarju tal-Konvoj ta’ Santa Marija fl-2017.
Dan il-proġett kien possibbli permezz ta’ finanzjament miksub mill-fond Komunitajiet Kreattivi, fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti. Dan id-dokumentarju ġedded il-memorja kollettiva ta’ membri mill-komunità tat-Tlett Ibliet li għexu dan l-avveniment storiku. Dawn in-nies ġew intervistati minn studenti tal-Kulleġġ Santa Margerita.
“Il-kultura u l-istorja tagħna ffurmaw l-identità tagħna matul iż-żmien. Dan il-proġett kattar l-importanza tad-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet sabiex nassiguraw li din il-memorja kollettiva tant importanti ma tintilifx maż-żmien, speċjalment minħabba li tagħmel parti minn era sinifikanti tal-istorja riċenti tagħna li ffurmat ġenerazzjonijiet attwali u kurrenti,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija.
Dan id-dokumentarju ħoloq skambju bejn il-ġenerazzjonijiet li jiffoka fuq il-ħajja ta’ kuljum matul dan iż-żmien diffiċli li wassal għal-miġja tal-Konvoj, aspett sinifikanti tal-istorja tagħna relatata mat-Tieni Gwerra Dinjija u jiffoka fuq ix-xogħol, ikel, ħajja soċjali, u ideali ta’ dak iż-żmien partikolari.
Dan il-proġett tefa’ dawl ġdid għall-ġenerazzjonijiet żgħar dwar dan l-avveniment storiku. L-informazzjoni maqsuma waqt dawn l-intervisti qegħdin jagħtu spunt differenti ta’ din il-ġrajja, minħabba li jiffukaw fuq esperjenzi personali ta’ dawk preżenti għaż-żmien tal-Konvoj ta’ Santa Marija, kif ukoll memorji ta’ żmien il-gwerra.