Kważi tliet biljun annimal inqatlu fin-nirien fil-foresti li ħakmu lill-Awstralja fl-aħħar sajf tagħhom.
Dan ħareġ fi studju li għamlu għaxar xjentisti minn Universitajiet Awstraljani, li wera li dawn in-nirien kienu fost l-agħar diżastri naturali fl-istorja.
Fl-aħħar sajf Awstraljan, bosta nirien infirxu f’kull stat, u minbarra li qerdu l-ħajja ta’ miljuni ta’ annimali u pjanti, qatlu wkoll tlieta u tletin persuna.
F’din il-qerda naturali, inqatlu mammiferi, rettili, għasafar u żrinġijiet, u wasslet biex żdiedet sew il-possibilità li l-koalas jiġu estinti fis-snin li ġejjin.
Fl-eqqel tal-kriżi f’Jannar li għadda, ix-xjentisti kienu stmaw li aktar minn biljun annimal inqatlu fl-istati ta’ New South Wales u Victoria waħedhom.