Il-Kolombjana li nqatlet ix-xahar li għadda fid-dar tagħha f’Tas-Sliema qalgħet 26 daqqa tas-sikkina. B’din l-arma tad-delitt inxtrat minn supermarket f’Ħal Qormi ġurnata qabel id-delitt.
Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Fabian Eliuth Garcia Parada ta’ 39 sena, fejn il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex l-akkużat jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.
L-Ispettur Wayne Camilleri qal li dakinhar hu ġie mgħarraf mis-Surġent tad-Distrett mill-Għassa tas-Sliema, li għall-ħabta tas-sitta u kwart ta’ filgħodu, l-akkużat mar jagħti b’idejh lill-Pulizija.
Intqal li l-awtopsja saret dakinhar tad-delitt waranofsinhar, fejn ħareġ li l-vittma qalgħet 26 daqqa ta’ sikkina.
L-Ispettur qal li mix-xhieda li saret fl-Inkjesta Maġisterjali ħareġ li kienu ilhom Malta sentejn, kienu ilhom mhux ħażin f’relazzjoni flimkien, iżda dan l-aħħar ma kinux sew u l-vittma ddeċidiet li titilqu.
Iżda huma baqgħu jgħixu fl-istess post u ma jorqdux fl-istess kamra.
Fil-Qorti, l-Ispettur Wayne Camilleri xehed li sar magħruf li riċentament il-vittma kellha sieħeb.