L-edukazzjoni huwa qasam li ma jmut qatt. Kulħadd jaqbel ġustament li mingħajr dan il-qasam bażiku u kruċjali, ma nkampawx. Li kieku mhux għall-iskejjel u kull min jaħdem f’dan il-qasam, m’għandniex għalliema mħarrġa, tobba, infermiera, avukati, bankiera, riċerkaturi, xjentisti, jew kwalunkwe professjoni u anke sengħa oħra li b’xi mod tolqot il-ħajja ta’ kuljum. Issa anke s-suġġetti vokazzjonali reġgħu ngħataw ir-rikonoxximent li ħaqqhom.
L-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi żviluppaw ħafna, u llum il-ġurnata joffru servizzi eċċellenti lill-familji tagħna. Bla dubju ħaqqhom kull rikonoxximent u għajnuna biex ikomplu jikbru.
Nemmen biss f’nuqqas wieħed li s’issa ma tantx jidher li kien preżenti fit-traġitt edukattiv – ċertu ħiliet bażiċi li l-ħajja adulta ddur madwarhom.
F’daqqa waħda ħafna żgħażagħ isibu ruħhom bil-kwalifika f’idejhom, iżda mingħajr l-iċken idea ta’ minn fejn se jibdew. F’daqqa waħda jridu japplikaw għal xogħol fuq bażi full-time u jridu jimlew karti u dokumenti li qatt ma raw qabel (u ma jafux għandhomx jinżammu għal li jinqala’…). F’daqqa waħda jridu 10% tal-prezz tal-propjetà li jixtiequ, u mill-paga qed jinqatgħu flus u mhux ċerti liema marru għat-taxxa u liema marru għall-bolla.
F’daqqa waħda qed jindunaw li mhux biss iridu jkunu edukati f’suġġetti akkademiċi f’dinja moderna, imma jridu jkunu wkoll kreattivi, innovattivi, effettivi u prattiċi. Ċittadini attivi.
Hemm ċertu ħiliet tal-ħajja li s-sistema edukattiva għandha tintroduċi fir-rutina tagħha, fosthom:
- X’għandek bżonn biex tapplika għal xogħol għall-ewwel darba;
- X’servizzi bankarji tista’ tirċievi;
- Kif tapplika għal liċenzja tas-sewqan;
- X’assigurazzjoni għandek bżonn;
- Għal xiex trid taħseb qabel ma tixtri propjetà;
- Għal liema servizzi trid tapplika ladarba tkun xtrajt propjetà;
- Kif iġġemma’;
- Kif tivvota;
- X’servizzi joffru l-Kunsilli Lokali;
- X’testijiet marbuta mas-saħħa għandek tagħmel regolarment;
- Il-kunċett ta’ self-employment;
- Kif tuża s-servizzi tal-Emerġenza b’mod responsabbli, u:
- L-għoti tal-Ewwel Għajnuna, inkluż dik għas-saħħa mentali.
Użajt il-kelma ‘nuqqas’ mingħajr ebda diżrispett lejn il-ħaddiema kollha tas-settur edukattiv. L-għalliema u l-edukaturi għandhom diġà kurrikulu stabbilit xi jwasslu għand l-istudenti u qed jinvestu ħafna ħin u enerġija fih. Xogħol l-għalliem tas-suġġett rispettiv tiegħu hu li jwasslu għand l-istudent b’mod prattiku skont il-kurrikulu u l-abbiltà tat-tagħlim, b’mod li l-istudent jagħraf il-ħtieġa tas-suġġett. Xi ħaġa li diġà qed issir.
Nemmen li kull għalliem u edukatur dejjem ikun jixtieq jagħti aktar lill-istudent, iżda l-ħin u forsi r-riżorsi stess ma jippermettux.
Is-servizzi msemmija aktar ‘il fuq kollha jingħataw mill-ħaddiema rispettivi tagħhom, allura ejja nħallu lilhom ukoll jgħaddu din l-informazzjoni lill-istudenti. Ejja nitgħallmu minn età iżgħar li hemm wiċċ wara kull servizz, li lest jagħtik l-għajnuna li għandek bżonn.
Huwa minnu li ħafna minn din l-informazzjoni, jekk mhux kollha, hija disponibbli fuq siti elettroniċi varji li faċilment naċċessawhom. Ejja ma niddependux biss fuq it-teknoloġija biex tgħallimna, sempliċiment għax hija komda. Minflok, ejja ninċentivaw lill-istudenti u ż-żgħażagħ jużawha b’mod responsabbli wkoll, u minn età żgħira jużawha bħala mezz biex jiftakru u jirrevedu dak li diġà ħadu. Wara kollox, b’hekk dawn is-servizzi jersqu ħafna aktar viċin tal-pubbliku. Aktar importanti minn hekk, dawn l-istudenti u ż-żgħażagħ itemmu t-traġitt edukattiv tagħhom kemm biċ-ċertifikati u l-kwalifiki, u kemm bl-għarfien ta’ kif ikunu ċittadini attivi.
Nemmen li għadda ż-żmien li wieħed jitgħallem b’mod qares li inutli bl-ittri wara ismek jekk ma tistax tfendi għal rasek. Daqqa t’id tiswa’ tajjeb għalina lkoll.