Kienu bosta x-xufiera li dalgħodu ħadu nifs qawwi hekk kif sabu inqas traffiku madwar it-toroq arterjali. Fattur determinanti jidher li kien il-ftuħ mill-ġdid ta’ Baċir Numru 7 li nfetaħ temporanjament biex tittaffa l-problema tat-traffiku li tolqot nies ħerġin mill-Kottonera fid-direzzjoni lejn il-Marsa.
Nies li tkellmu ma’ OneNews qalu li ħadu biss ħames minuti biex waslu mill-Isla sal-Mcast f’Raħal Ġdid, mentri sal-ġimgħa l-oħra stess kienu jdumu aktar minn nofsiegħa mwaħħla fit-traffiku. Jidher li t-traffiku fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta mexa b’mod tajjeb ukoll.
Clint Axisa minn Transport Malta spjega li r-rotta hija kważi l-istess bħal dik preċedenti, miftuħa minn naħa ta’ Kordin għan-niżla ta’ Għajn Dwieli. Minflok dawra sħiħa għall-Baċir, wieħed joħroġ Albert Town u jiġi l-Marsa. B’hekk jonqos it-traffiku għar-roundabout ta’ Sare’.