Żewġ rapporti tal-Kummissjoni għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-UNHCR, juru li 12–il pajjiż għamlu titjib b’rabta mad-detenzjoni ta’ persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil. Fosthom hemm Malta.
L-emfasi hi fuq it-tfal f’detenzjoni, xi ħaġa li mhix aċċettata minn din il-Kummissjoni u li f’pajjiżna ntemmet wara deċiżjoni tal-gvern.
Xhur ilu kienet riveduta wkoll il-politika b’rabta mad-detenzjoni u l-UNHCR qed tgħid li filwaqt li tilqa’ dawk il-bidliet hemm bżonn li jsir iktar bil-għan li Malta tkun konformi mal-istandards internazzjonali.
Iżda kien innotat b’sodisfazzjoni li d-detenzjoni mandatorja ta’ persuna tfixxttex l-ażil m’għadiex l-għażla awtomatika. Intqal li għal dan il-għan il-UNHCR se tkompli taħdem ma’ Malta u hawn spikka l-kumment ta’ Beat Schuler, il-mibgħut tal-UNHCR f’Malta, li qal: “It-tamiet tagħna huma li t-tijib riċenti u dak li għadu se jsir minn Malta jservi ta’ eżempju għal pajjiżi oħra madwar l-Ewropa.”