Ħadd mhu ser jagħmel l-IVF għall-gost.
Dan huwa kliem il-Professur Renald Blundell, xjentist u konsulent fuq il-bijoteknoloġija li mal-gazzetta t-‘Torċa’, saħaq li l-iffriżar tal-embrijuni hija teknoloġija bżonnjuża u tnaqqas b’mod konsiderevoli t-tbatija u l-ispejjeż relatati tal-proċeduri tal-IVF. Fl-istess waqt, jisħaq li s-suċċess marbut mar-rata tat-tqala jkun ukoll ogħla.
Il-Professur Blundell jinsisti li l-argument li qed jiġu ssagrifikati embrijuni għat-twelid ta’ tarbija waħda hija kompletament idea falza u mhux minnha.
L-għotja tal-embrijuni friżati bħala donazzjoni lill-koppji oħra mhumiex jitqiesu bħala xkiel għat-teknoloġija riproduttiva, stqarr il-Professur iżda bħala kuxjenza għas-soċjetá biex iżomm l-għanijiet tat-teknoloġija onesta u moralment korretta.
Il-Professur Blundell saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li tkun investigata l-kawża li qed twassal għall-infertilita.
Tkellem ukoll dwar il-proċedura fejn l-embrijuni jiġu analizzati għal ċertu mard ġenetiku li saħaq li għandha tidħol fis-seħħ bħal numru ta’ pajjiżi oħra madwar id-dinja.
Meta ġie mistoqsi fuq l-irwol tal-knisja f’dan ir-rigward, stqarr li l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu dikjarazzjonijiet b’attenzjoni kbira u mhux mingħajr ma jkunu jafu l-fatti attwali.