Fuq medda ta’ għaxar snin kien hemm xejriet differenti f’dawk li huma l-għażliet tal-istudenti tal-MATSEC, kemm f’livell avvanzat kif ukoll f’dak intermedju.
Iżda, rapport ippublikat mill-uffiċċju tal-MATSEC wera li l-ikbar tnaqqis kien fil-fiżika u l-matematika (pure maths). Fl-aħħar għaxar snin dawk li għażlu l-fiżika f’livell avvanzat naqsu b’4.8% u dawk li għażlu l-matematika naqsu b’ 7.8%.
“Ir-raġunijiet dwar dawn il-bidliet huma varji u kumplessi u għandu jkun hemm riċerka biex wieħed jindividwahom,” qal l-uffiċċju tal-MATSEC.
Żidiet kienu rreġistrati fil-Bijoloġija, fil-Kimika u fil-Malti. Filwaqt li naqqsu l-Ingliż, fil-Computing u fl-Accounting.
Ir-riżultati reġgħu wrew differenzi kbar bejn l-irġiel u n-nisa. Minn dawk li s-sena li għaddiet kellhom 18-il sena, 28.2% kisbu ċ-ċertifikat tal-MATSEC, li permezz tiegħu tidħol l-Universitá.
Hemm differenza ta’ 14.6% bejn it-tfajliet u l-ġuvintur li kisbu ċ-ċertifikat. Differenza li ppersistiet tul l-għoxrin sena li ċ-ċertifikat ilu jeżisti.