Tmint elef familja se tkun qed tgawdi minn ftehim li sar bejn Identity Malta u l-kumpanija ARMS LTD fejn se jkun faċilitat il-proċess ta’ meta jkun hemm tibdil fin-numru ta’ membri tal-familja minħabba t-twelid ta’ tarbija ġdida jew inkella l-mewt ta’ xi qarib.
Fil-passat wieħed kien ikollu joqgħod imur għand l-kumpanija ARMS LTD u Identity Malta sabiex jiddikjara l-membri tal-familja u b’hekk ikun jista’ jingħata s-sussidju fil-kont tad-dawl u tal-ilma b’mod ġust.
Is-sena l-oħra ġew irreġistrati ‘l fuq minn erbat elef twelid u aktar minn tlett elef u ħames mitt mewt u għalhekk dan ifisser li huma bosta dawk li se jkunu qed igawdu minn din l-inizjattiva.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli spjegat kif dan il-ftehim se jkun qed jiffaċilità l-ħajja tal-poplu.
Il-Ministru Dalli qalet, “Meta ikun hemm twelid jew inkella mewt qegħdin naċċertaw ruħna li l-bidla fil-kont ssir b’mod awtomatiku. B’dan il-mod nkunu qegħdin nevitaw li l-persuni jridu joqogħdu jiġru minn naħa għal oħra biex jagħmlu dan it-tibdil u l-affarjiet isiru b’mod aktar sempliċi u faċli.”
Sabiex isir it-tibdil fil-kont, wieħed irid jimla d-dettajli tal-kont tad-dawl u tal-ilma fil-formola ta’ dikjarazzjoni, li tista’ timtela’ online u meta l-formola tasal għand Identity Malta, il-ħaddiema ta’ din l-entità jaġġornaw is-sistema u jgħaddu l-informazzjoni meħtieġa lil-ARMS LTD mingħajr dewmien.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet, Alex Muscat li wkoll kien preżenti għal l-iffirmar ta’ dan il-ftehim stqarr li permezz ta’ din is-sistema se titjieb il-kwalità tas-servizz mogħti.
Huwa sostna: “Dan ix-xogħol kollu se jibda jsir awtomatiku permezz ta’ komunikazzjoni aħjar bejn dawn iż-żewġ entitajiet u allura finalment qed nagħtu servizz iktar ta’ kwalità b’inqas burokrazija lir-residenti kollha ta’ pajjiżna.”