Bħalissa, inqas minn kwart tal-ħaddiema Maltin, huma impjegati mal-Gvern.
Dan huwa inqas mil-livelli tal-elfejn u tnax, hekk kif kien hemm sebgħa u għoxrin fil-mija.
Dan intqal mill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar f’intervista mal-gazzetta The Times.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni spjega kif fl-elfejn u dsatax kien hemm erba’ mija tlieta u tletin sejħa għal xogħol fis-settur pubbliku.
Żied jgħid kif dawn komplew jonqsu fis-sena tal-pandemija u din is-sena.
Dan hekk kif is-sena li għaddiet kien hemm tliet mija tmienja u tmenin sejħa għal xogħol fis-settur pubbliku u din is-sena kien hemm tliet mija erbgħa u ħamsin sejħa.
Skont statistika tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, f’Mejju li għadda żdied in-numru ta’ persuni full-time bi 2.6%, meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena l-oħra.
Sa Mejju li għadda kien hawn madwar kwart ta’ miljun persuna jaħdmu f’pajjiżna full-time.
Kemm in-numru tal-irġiel u anki dak tan-nisa jaħdmu full-time żdied, biż-żieda fost in-nisa hija iktar notevoli hekk kif dawn żdiedu bi 3.3% filwaqt li l-irġiel jaħdmu full-time żdiedu bi 2.2%.
L-akbar żieda fl-impjiegi kienet fis-settur privat.
Fil-fatt fis-settur privat in-numru ta’ ħaddiema żdiedu b’4,514 biex f’Mejju li għadda kien hawn 186,320 persuna jaħdmu full-time fis-settur privat.
Anki n-nies jaħdmu għal rashom żdiedu fejn hawn in-numru tela’ b’1,215 u dawk li jħaddmu n-nies żdiedu wkoll u telgħu b’4,850.
Fis-settur pubbliku imbagħad ġew impjegati iktar nies fil-qasam tas-saħħa u soċjali.