Komplew jonqsu l-persuni dipendenti fuq is-servizzi soċjali. Stqarrija maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika tindika li fl-ewwel nofs tal-2017 reġa’ kien hemm tnaqqis fid-dipendenza soċjali.
Filfatt mentri fl-2012 kien hemm 11,795 persuna li kienu jieħdu l-assistenza soċjali, f’Ġunju ta’ din is-sena l-ammont ta’ nies dipendenti mill-assistenza soċjali naqas għal 5,631.
Dan it-tnaqqis ta’ aktar min-nofs seħħ minhabba li pajjizna qed ikollu tkabbir ekonomiku li qed jilħaq lil dawk l-aktar fil-bżonn. Filwaqt li l-qgħad naqas għall-anqas livell mindu bdiet tinġabar l-istatistika.
L-andament eċċellenti fis-suq tax-xogħol joħroġ ukoll mill-fatt li dawk li jieħdu l-benefiċċju għall-assistenza għal nies qiegħda niżlu għal 1,718. Fl-2012 kien hemm 5,777 li kienu jikkwalifikaw għal dan il-benefiċċju.
Fl-istess ħin daħlu benefiċċji ġodda bhat-tapering tal-benefiċċji tal-qgħad u l-inwork benefit li jgawdu minnhom kwazi 5,700 persuna, bi spiża ta’ €5.2 miljun. Dawn il-benefiċċji ġodda flimkien mas-suċċess fil-qasam tax-xogħol, fejn f’erba’ snin inħolqu aktar impjiegi milli fit-tliet leġislaturi preċedenti meħuda flimkien, wasslu biex dawk f’sitwazzjoni ta’ faqar materjali jonqsu b’20,000.
Fil-Budget li għadda l-Gvern kompla f’din it-triq billi ħabbar pakkett soċjali qawwi li se jżid id-dħul ta’ dawk l-aktar fil-bżonn b’madwar €21 miljun.