Bejn it-18 u l-20 ta’ Marzu se jkun qed jittella’ l-festival Mużika Mużika li wara tmien snin reġa’ ngħata xejra ġdida, waħda li se tiġbed l-għajn taż-żgħażagħ.
Għal dan il-festival intgħażlu għoxrin kanzunetta.
Fil-finali dawn se jinżlu għal tnax.
F’dawn it-tliet serati se jkun hemm kantanti, bands u atturi famużi li ħa jkunu qegħdin jżewqu l-festival.
Fost dawn il-persuni ta’ fama se jkun hemm The Travellers kif ukoll Emma Muscat.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar dan il-festival relatata ma’ dan il-festival, iċ-Chairman tal-festival Mużika Mużika, Ray Bugeja stqarr li dawn l-għaxat finalisti ħa jingħataw ħames mitt ewro sabiex ikopru parti mill-ispejjeż tagħhom.
Barra minn hekk, dawk li jiġu fl-ewwel tliet postijiet ħa jingħataw premju monetarju fejn tal-ewwel post se jieħu għaxart elef ewro.
Annabelle Stivala minn Festivals Malta saħqet li l-festival se jkollu kanzunetti għall-gosti ta’ kulħadd.
Hija qalet, “Konna sorpriżi ħafna bil-ġeneru ta’ diski li kien hemm, hemm xi bands u hemm in-nies ġodda jiġifieri hemm taħlita tajba ħafna u anke bħala d-diski li hemm, it-temi tad-diski differenti jiġifieri hemm taħlita tajba ħafna. Xi ħaġa ġdida li hemm ukoll, ħa jkun hemm l-orkestra li wara ħafna snin ħa naraw orkestra ta’ erbgħin ruħ fuq l-palk u imbagħad għadna wkoll sorpriżi oħra.”
Is-Sur Jason Micallef, li huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-festival stqarr li permezz ta’ dan il-festival jixtieq li jkun hemm aktar bands ġodda li jieħdu sehem mhux biss dawk stabbiliti.
Dawk kollha interessati ħa jkunu jistgħu jaraw dan il-festival fuq l-istazzjon nazzjonali fuq it-televiżjoni.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela kif ukoll il-Ministru għall- Kultura u l-Arti, José Herrera.