Fadal issa inqas minn siegħa biex tagħlaq il-votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.
L-andament fil-postijiet tal-votazzjoni huwa wieħed mexxej ħafna fejn in-nies li għadhom qed jidħlu jivvutaw, joħorġu fi ftit minuti.
Il-votazzjoni għal dawn l-elezzjonijiet tagħlaq fl-10pm fejn it-turn-out sas-2pm meta wieħed iqabbel like with like, it-turn-out ikun ta’ 38% għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, it-turn-out hu ta’ 31%.
Fil-fatt fi stqarrija uffiċjali, il-Kummissjoni Elettorali kkonfermat li bidlet il-metodu ta’ kif ikkalkulat it-turn-out sas-2pm.
Il-Kummissjoni Elettorali spjegat li l-persentaġġ approssimattiv ta’ votanti li vvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali mħabbar aktar kmieni llum, kien ikkalkulat billi tnaqqsu n-numru ta’ dawk il-votanti li ma ġabrux id-dokument tal-vot min-numru ta’ votanti rreġistrati.