- Jasal l-album tat-Tazza tad-Dinja
- F’pajjiżi oħra qed jilmentaw minħabba l-prezz
Jonqos inqas minn 80 jum għat-Tazza tad-Dinja u mill-ġimgħa d-dieħla x’aktarx nibdew naraw xena komuni li hi sinonima mal-ġimgħat ta’ qabel dak li hu wieħed mill-ikbar avvenimenti sportivi fid-dinja, jekk mhux l-ikbar.Dan hekk kif mistenni jasal f’pajjiżna l-album tal-istickers tal-Panini li d-dilettanti żgur li se jkunu qegħdin ifittxu li jixtru sa mill-ewwel jiem. Biex imbagħad nibdew naraw ġemgħat ta’ persuni li jinġabru l-Belt jew barra l-iskejjel ibiddlu l-istickers doppji fejn tinstema ħafna l-frażi “għandi, għandi, m’għandix”. Bil-m’għandix tiftaħ sensiela ta’ negozjati dwar x’inhu l-isticker li wieħed jixtieq jikseb bi tpartit u jekk hi xi arma jew xi plejer meqjus rari jaf tintalab iktar minn sticker waħda. Hija okkażjoni fejn l-adulti jsiru bħat-tfal u mal-mejda tan-negozjati ftit tagħmel differenza l-età b’xi sabi mqarqaċ malajr iġib fejn irid lil xi ħadd li jkollu l-età ta’ missieru jekk f’idu jkollu dik il-karta li wieħed ikun jixtieq jikseb bil-ħniena.
Din it-tradizzjoni issa tmur lura għas-sena 1970 meta ħareġ l-ewwel album għall-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Messiku. Minn tagħrif ippubblikat onlajn jirriżulta li din id-darba hemm 682 sticker li jridu jingħaqdu biex wieħed ikollu l-album sħiħ. 50 minnhom huma stickers meqjusin speċjali.
Fi kliem ieħor dawk l-isticker li jleqqu u li fuqhom ikun hemm mill-mascot għall-arma tat-tim jew emblemi importanti oħra. Kull pakkett mistenni jkollu ħames stickers u hemm 80 paġna kkuluriti li jridu jimtlew. Dan ifisser li pakkett se jkun fih inqas minn kemm kienu fihom il-pakketti tal-edizzjoni tal-Brażil 2014, u fir-Renju Unit diġà hemm ilmenti li meta wieħed iqis kollox sticker ġiet tiswa iktar u għalhekk l-album se jkun qed ifisser spiża ikbar għad-dilettanti li diġà jonfqu kemxa mhux ħażin jekk ikunu determinati li jagħqduh.
Fil-fatt, hawn mijiet ta’ persuni li għandhom kollezzjonijiet li jmorru lura s-snin, għalkemm imbagħad hawn oħrajn li filwaqt li issa jidħlu b’ruħhom u b’ġisimhom fil-gost ta’ qabel il-kompetizzjoni, ladarba tintlagħab il-finali u t-tim jgħolli t-tazza ftit li xejn jibqa’ jimpurtahom. Iżda, sa dakinhar ikunu akkaniti daqs l-ikbar kollezzjonisti f’avventura li mistennija tibda mill-ġimgħa d-dieħla meta f’pajjiżna ssir it-tnedija uffiċjali tal-album għar-Russja 2018.