Inqas minn għaxra fil-mija tal-popolazzjoni f’pajjiżna, huma rreġistrati bħala donaturi tal-organi.
ONE News żar ir-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei u tkellem mal-Koordinatur tat-Trapjanti, Paul Calleja, li saħaq dwar il-bżonn li aktar persuni jsiru donaturi, għaliex donatur wieħed jista’ jsalva sa seba’ ħajjiet.
It-trapjanti tal-kliewi jsiru f’Malta, filwaqt li trapjanti għal organi oħra isiru fi Sqallija.
Qal, “Pazjenti Maltin li jkollhom bzonn trapjant ta’ xi organu ieħor, għandna arranġament mal-Italja, fejn il-pazjenti Maltin wara li jkunu ġew screened, jitilgħu hemmhekk.”
Tul din l-aħħar sena saru sitt trapjanti tal-kliewi, tnejn minnhom minn donatur tal-organi li miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.
Il-kliewi huma l-aktar organi li ssir talba għalihom, u sakemm isiru l-operazzjonijiet, il-pazjenti jingħataw kura regolari.
Qal, “Bħalissa hawn xi 300-320 pazjent li qed jiġu trattati f’dal-unit.”
Madwar mija minn dawn il-pazjenti, jinsabu fuq il-lista ta’ stennija għal trapjant.
Qal, “Se jkun qed isalva prattikament, il-ħajja ta’ 7 persuni oħra. Kull donatur se jagħti 2 ikliewi, pulmun, qalb, fwied u kornea.”
Huwa appella biex aktar persuni jirreġistraw ix-xewqa tagħhom li jsiru donaturi.
Qal, “Persuna mietet, mhux se tagħmel differenza jekk tindifinx bil-qalb, bil-kliewi jew le.”
Dawk li jixtiequ jirreġistraw biex isiru donaturi tal-organi, jistgħu jagħmlu dan fuq is-sit elettroniku www.organdonation.gov.mt u jimlew il-formola jew inkella jiġbru l-formola tal-applikazzjoni tad-Donazzjoni tal-Organi minn kwalunkwe Ċentru tas-Saħħa u miċ-Ċentru tal-għoti tad-demm fi Gwardamanġa.
Min jirreġistra bħala donatur tal-organi jrid ikollu minn tal-inqas sittax-il sena.