Is-sena l-oħra kien hemm nuqqas ta’ 195 ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika rrapportati u ta’ persuni li użaw is-servizzi disponibbli u li żdiedu qatigħ fl-aħħar snin, inkluż b’taqsima speċjalizzata fil-korpi dixxiplinarji.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, żvela li matul l-2022 kien hemm tlett elef u mitt każ ta’ vjolenza domestika rrapportati, waqt li sena qabel kien hemm mat-tlett elef u tliet mitt każ simili, li ġew għall-attenzjoni tal-awtoritajiet.
Skont dawn iċ-ċifri tal-NSO joħroġ ukoll li, is-sena li għaddiet, l-aktar li għamlu użu mis-servizzi disponibbli kienu nisa, li kienu jgħoddu għal elfejn, tliet mija u tnejn u disgħin.
Dan filwaqt li l-irġiel, li kienu qegħdin jużaw is-servizzi ta’ vjolenza domestika, kienu jgħoddu għal seba’ mija u tmienja.
Jirriżulta wkoll li s-servizzi ewlenin użati minn dawk li kienu qegħdin iġarrbu l-vjolenza domestika kienu fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ u l-Pulizija, b’aktar minn elfejn każ.
Ix-xelters madwar il-pajjiż ittrattaw 173 każ, waqt li l-għaqda volontarja Victim Sapport Malta kellha 70 każ. Dan filwaqt li s-servizzi tas-saħħa tal-Emerġenza fl-isptarijiet irreġistraw 69 każ fis-sena 2022.
Mit-tagħrif mogħti mill-NSO jirriżulta wkoll li kien hemm mitejn, tmienja u sittin persuna li użaw servizzi mmirati għall-aggressuri biex jegħlbu l-problemi li għandhom. Minn dawn, mitejn, ħamsa u sittin kienu rġiel u tlieta u għoxrin mara.
Ħareġ ukoll li kien hemm wieħed u tletin każ li kienu mmaniġġjati mis-servizz ‘Child to Parent Violence’ offrut mill-Aġenzija Appoġġ.
Ta’ min ifakkar li bħalissa għaddejja l-kampanja, taħt il-patroċinju ta’ mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, b’attiviżmu kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bl-isem ‘Beat the Silence’. L-għan ewlieni tagħha hu li tqajjem iżjed kuxjenza u tagħmel kuraġġ lil dawk li qed ibatu fil-kwiet ta’ djarhom biex jitkellmu u jiksbu l-għajnuna disponibbli.