Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hemm bżonn ta’ iktar fiduċja bejn il-pajjiżi Ewropej biex jissolvew problemi kbar li qed jinħolqu fl-ekonomija, fuq kwistjonijiet ta’ sigurtá u anke immigrazzjoni. Il-futur tal-Ewropa għandu jkun mibni fuq inqas ħitan u iktar fiduċja.
Il-Prim Ministru qal dan fl-għeluq tal-konferenza organizzata mal-European University Institute dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea f’diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa. Joseph Muscat għalaq il-konferenza flimkien mal-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mil-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u l-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz.
Il-Prim Ministru Taljan fl-għeluq tal-konferenza tkellem dwar l-esperjenza tiegħu ma’ Joseph Muscat bħala ħbieb u kapijiet tal-Gvern. Qal li flimkien mal-Prim Ministru Malti għadda mill-iktar mumenti diffiċli bħala Kap tal-Gvern meta fl-Ewropa kienu jitkellmu biss dwar l-immigrazzjoni l-Italja u Malta. Illum, qal Matteo Renzi, kulħadd qed jitkellem dwar l-immigrazzjoni.
Fid-diskussjoni fl-għeluq ta’ din il-konferenza, Joseph Muscat qal li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni ma telqitx u dak li ġie miftiehem mat-Turkija jfisser li l-problema u l-pressjoni tal-immigrazzjoni ċċaqalqu lejn naħat oħrajn, bħall-Eġittu u l-Libja. Sostna wkoll li mhux biżżejjed li tgħin lit-Turkija. Hemm pajjiżi ħbieb tagħna Mediterranji bħal-Libanu u l-Ġordan li għandhom problemi kbar ta’ immigrazzjoni u qed jitolbu l-Ewropa tgħin lilhom ukoll.
“Jista’ jkun solvejna rotta meta lħaqna ftehim mat-Turkija. Imma hemm rotot oħrajn u għalhekk l-Ewropa għadha ma solvietx il-problema, anzi għad irridu naraw żieda ta’ immigranti jaqsmu min-naħat oħra,” qal il-Prim Ministru.
Dr Muscat qal li waħda mill-problemi li l-Ewropa għadha mhijiex tie]u ħsieb biżżejjed hija l-Libja. “Jumejn ilu mort il-Libja bħala l-ewwel Kap ta’ Gvern fi Tripli li ltaqa’ mal-Gvern ta’ unitá Nazzjonali. It-tensjoni għadha tinħass, imma qed jinħass ukoll li hemm min fil-Libja jrid jagħmel xi ħaġa konkreta biex tiddaħħal l-istabbiltà,” qal il-Prim Ministru.
Joseph Muscat tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-Ewropa tħares lejn it-tkabbir ekonomiku bħala ċ-ċavetta biex il-ġid jintuża biex jitqassam fost dawk li l-aktar għandhom bżonn, inkluż fil-qasam tal-immigrazzjoni.
Huwa sostna li jekk ikollna tkabbir ekonomiku, l-immigrazzjoni f’livelli sostenibbli hija xi ħaġa tajba għax fl-Ewropa għandha bżonn nies jaħdmu. L-importanti li nassiguraw ekwitá u ġustizzja fost kulħadd fil-mod kif nittrattaw il-persuni.
Il-Prim Ministru qal li hemm kwistjonijiet ta’ fiduċja bejn pajjiżi Ewropew anke fil-qasam tas-sigurtá fejn pajjiżi ma jaqsmux anke informazzjoni bażika.
Mistoqsi wkoll dwar rwol ikbar għan-nisa, bħala waħda mit-temi ta’ din il-konferenza l-Prim Ministru semma kif f’Malta għamilna passi ’l quddiem. Huwa semma bħala eżempju kif Malta hija l-unika pajjiż Ewropew, x’aktarx fid-dinja, li tagħti Childcare b’xejn lill-ġenituri li jaħdmu. Huwa qal dan ta l-opportunitá lill-ommijiet li joħorġu jaħdmu. “Din il-miżura ma swietx flus għax in-nisa jaħdmu u jikkontribwixxu saħħew l-ekonomija, iżda iktar importanti minn hekk huwa li iktar nisa qed jaħdmu u għandhom l-indipendenza tagħhom illum il-ġurnata”.
“Ma jistax ikollok ġustizzja soċjali jekk ma toħloqx il-ġid. Iżda min-naħa l-oħra jekk toħloq il-ġid u ma tqassmux b’mod soċjali tkun qed toħloq oligarkiji,” temm il-Prim Ministru.