Mit-Tnejn filgħodu is-servizzi kollha marbuta mal-ħruġ tal-passaporti tal-istranġiera se jkunu qed jiġu offruti mill-uffiċċju ta’ Identity Malta f’Ħal Far. Proċess li sal-ġimgħa l-oħra kien isir minn Dar l-Emigrant.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat sostna li issa l-applikanti ser jibbenefikaw minn servizz aktar effiċjenti.
L-Onor. Muscat fisser: “Il-passaport ikun lest fi żmien erbat ijiem ta’ xogħol u jkun jista’ jiġbor l-istess passaport minn dan l-uffiċċju f’Ħal Far.”
Benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u oħrajn li għandhom status ta’ protezzjoni umanitarja nazzjonali, se jkunu jistgħu japplikaw direttament mal-Uffiċċju tal-Espatrijati f’Ħal Far.
L-applikanti ser jinqdew f’darba meta jmorru biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom u jittiħdulhom il-karatteristiċi bio-metriċi. Dan kollu se jħaffef aktar il-proċess u f’ċirkostanzi normali, il-passaport ta’ stranġier mistenni jieħu erbat ijiem.
Matul is-sena li għaddiet, nħarġu 2,288 passport ta’ stranġier, waqt li f’Jannar ta’ din is-sena, inħarġu mal-175 passaport.
L-applikazzjoni għandha tiġi preżentata mimlija bid-dettalji kollha u ffirmata mir-rakkomandant u mill-applikanti nfushom.