L-Enemalta għaddeja bi proġett li jsaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku u għalhekk jonqos il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fl-istess ħin li qed tnaqqas u mhux iżżid id-djun tagħha.
Fost oħrajn l-Enemalta plc bdiet tħaffer mina ta’ 1.8 kilometri biex tgħaqqad iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fil-Marsa mas-sistema tad-distribuzzjoni 132 kV u b’hekk tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizzi tagħha lill-klijenti fil-lokalitajiet tal-inħawi.
Il-Marsa North Distribution Centre ser jieħu post ħolqa kruċjali tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż li bħalissa tagħmel parti mill-Marsa Power Station.
Malli dan iċ-ċentru ġdid jibda jaħdem, l-apparat tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-istazzjon ikun jista’ jitneħħa flimkien mal-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li ntfew u bdew jiżżarmaw is-sena li għaddiet.
Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni huwa wkoll waħda mill-ħidmiet tan-Network Reinforcement Project ta’ Enemalta plc, investiment ta’ għexieren ta’ miljuni biex tissaħħaħ is-sistema tat-tqassim tal-elettriku tal-pajjiż bl-iżvilupp ta’ sitt ċentri tad-distribuzzjoni ġodda u għadd ta’ titjib ieħor madwar Malta u Għawdex.
Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc, spjega li dawn l-investimenti qed isiru mir-riżorsi tal-Kumpanija stess, mingħajr il-ħtieġa li jiżdiedu d-djun.
“It-trasformazzjoni ta’ Enemalta plc f’entità finanzjarjament viabbli fit-tul mhijiex biss eżerċizzju ta’ figuri fuq id-dokumenti finanzjarji tal-Kumpanijam” qal Azzopardi. Żied li din it-trasformazzjoni tfisser it-twaqqif ta’ Kumpanija li hija effiċjenti u ffukata fuq is-servizz lejn il-klijenti.
“Fl-istess waqt iżda, tfisser ukoll li Enemalta trid tkun kapaċi tiġġenera l-flus meħtieġa biex tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-elettriku tal-lum u ta’ għada, waqt li żżomm programm ta’ titjib kontinwu f’kull livell tal-operat tagħha, mingħajr il-bżonn li tiddependi fuq l-appoġġ tal-Gvern. Ninsabu determinati li nkomplu għaddejjin b’din it-trasformazzjoni biex dejjem intejbu l-kwalità tas-servizzi lill-klijenti tagħna f’Malta u Għawdex” temm jgħid Azzopardi.