Wara proċess ta’ konsultazzjoni, minn Awwissu li ġej se jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda dwar is-saħħa u s-sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni, liema regolamenti huma bbażati fuq Direttiva Ewropea.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli, fissret kif dawn ir-regolamenti se jwasslu biex filwaqt li jinżammu livelli għolja ta’ saħħa u sigurtà, jitneħħew ċerti piżijiet u spejjeż burokratiċi li mhux meħtieġa.
Dr Dalli qalet li l-liġi l-ġdida se tolqot eluf ta’ ħaddiema, hekk kif bħalissa hemm 11,260 ħaddiem jaħdmu full-time u 1,855 oħra jaħdmu part-time f’dan is-settur. Hija emfasizzat kif dawn il-ħaddiema qegħdin fl-ikbar riskju ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, b’statistika lokali turi li matul l-2017 f’Malta seħħew 485 inċident fuq postijiet ta’ kostruzzjoni; li huwa medja ta’ 15.2% tal-inċidenti kollha fuq il-post tax-xogħol.
L-Avviż Legali, jitkellem ukoll dwar ir-rwoli speċifiċi ta’ dawk kollha involuti f’xi stadju jew ieħor ta’ proġett ta’ kostruzzjoni; mill-fażi tad-disinn, sal-fażi eżekuttiva tal-kostruzzjoni u kif ukoll il-fażi ta’ wara l-bini, jiġifieri r-restawr, il-manutenzjoni u ż-żamma tal-bini meta jkun lest.
Il-Ministru spjegat li r-regolamenti li se jiddaħħlu fis-seħħ jinkludu emendi dwar proviżjonijiet differenti li jvarjaw minn dmirijiet differenti għas-supervisor tal-proġett, emendi dwar klijenti domestiċi kif ukoll dispożizzjonijiet legali ġodda dwar xogħol fil-għoli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Mark Gauci, qal li r-regolamenti l-ġodda jdaħħlu definizzjoni ġdida ta’ ‘klijent domestiku’ li tfisser klijent li għalih qed jitwettaq proġett li mhux fil-kors jew avvanz ta’ negozju ta’ dak il-klijent. Klijenti domestiċi li għandhom proġetti b’kuntrattur wieħed biss u b’riskju ta’ saħħa u sigurtà baxx, se jkunu esklużi mill-obbligu li joħorġu notifika għall-proġett u li jaħtru supervisor tal-proġett.
Dr Gauci elenka l-bidliet ewlenin oħra, li jinkludu:
L-obbligu li jinżamm pjan u file tas-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema ma jibqax tal-klijent domestiku iżda jsir ir-responsabbilità tal-kuntrattur. Dan ifisser li r-responsabbilità ta’ ħaddiema li jweġġgħu fuq post tal-kostruzzjoni hija tal-kuntrattur u mhux tal-klijent.
Jinħatar supervisor wieħed li jġorr ir-responsabbilità tul il-proġett kollu, jiġifieri kemm għall-fażi tad-disinn u anki għall-fażi tal-eżekuzzjoni, minflok tnejn, biex jitwaqqaf l-abbuż li kien innotat minn ċerti supervisors.
Id-dmir li tintbagħat formola ta’ notifika issir tas-supervisor tal-proġett u mhux tal-klijent.
Regolamenti ġodda għal xogħol fl-għoli.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Joe Camilleri, qal li dawn l-emendi għandhom jiġu evalwati fid-dawl tan-numru dejjem jiżdied t’applikazzjonijiet għal proġetti ta’ kostruzzjoni. Camilleri spjega li dawn l-emendi jingħaqdu mal-ħidma li saret mill-Ministeru fil-leġislatura li għaddiet, meta kienet introdotta l-iskills card li turi t-taħriġ u l-abbiltajiet tal-ħaddiem.
Ir-regolamenti huma aċċessibbli mil-website tal-OHSA.