L-ispezzjonijiet minn entitajiet u dipartimenti tal-Gvern fuq in-negozji naqsu bi 82% madankollu xorta waħda inżamm l-istess livell ta’ monitoraġġ.
Dan saħqu il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar waqt li spjega kif permezz ta’ riforma fl-ispezzjonijiet tal-Gvern, din is-sena saru disa’ mija u tmienja u għoxrin spezzjoni flok ħamest elef mitejn wieħed u tletin waħda wara li ġie skartat il-mudell l-antik u minflok, is-Servizz Pubbliku qed iwettaq spezzjonijiet li jindirizzaw il-kwalità tan-negozji.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-kwalità tan-negozji fil-fatt qed tiġi rikonoxxuta b’awards.
Ir-riforma fl-ispezzjonijiet tal-Gvern tiġbor l-informazzjoni meħtieġa minn madwar 30 entità, tibni formola tal-assessjar bir-rekwiżiti u tintbagħat lin-negozju.
Ir-riżultat tar-riforma kien li fejn qabel kienu jsiru sitt jew seba’ spezzjonijiet minn entitajiet differenti, issa ssir spezzjoni waħda biss.
It-tip ta’ informazzjoni li tinġabar tvarja skont it-tip ta’ negozju, iżda tinkludi aspetti varji fosthom l-aċċessibbiltà, is-sigurtà fl-istabbiliment, is-sorveljanza tas-suq fuq standards Ewropej tal-prodotti, indikazzjoni ta’ prezzijiet u l-kundizzjonijiet tal-impjegati, fost l-oħrajn.
Waqt konferenza indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, tnediet ukoll sistema ġdida li permezz tagħha stabbilimenti lokali li jkollhom l-ogħla standards ta’ konformità mal-liġijiet se jibdew jiġu rikonoxxuti.
Iċ-ċertifikat ‘High Standard of Compliance’ juri li stabbiliment ikun qed jimxi mar-regoli fis-seħħ u qed jissodisfa l-obbligi legali kollha, b’aktar serħan il-moħħ għall-konsumaturi.
F’din il-konferenza ġew rikonoxxuti ħmistax-il stabbiliment mill-qasam tal-home appliances, b’dan is-settur iservi ta’ proġett pilota għat-tnedija ta’ dan iċ-ċertifikat.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li dan il-Gvern jemmen fis-saħħa li l-għodda diġitali tagħti lill-operat kummerċjali.
Qal, “Irriservajt riżorsi liċ-ċivil, irriservajt ħafna ħela ta’ ħin fin-negozji u dak allura dak il-ħin ir-riżorsi setgħu jintużaw f’affarijiet iktar utli.”
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li b’din il-ħidma, is-Servizz Pubbliku qed inaqqas dejjem aktar il-burokrazija żejda, iżid it-trasparenza u jkattar l-effiċjenza għan-negozji.
Spjega, “Mhux biss inaqqsu l-ispezzjonijiet imma qed nippremjaw minflok nikkastigaw lil min ikun mal-liġi. Minflok nikkastigaw jew nieħdu passi kontra dawk li qegħdin kontra l-liġi jew mhux qegħdin għal kollox mal-liġi, qegħdin nimpremjaw u nimmotivaw lil dawk li huma totally compliant mal-liġi u dak huwa ċ-ċertifikat tal-lum.”