Antonella Vella ta’ 33 sena wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha, wara li tressqet il-Qorti akkużata bis-serq ta’ vann Mazda.
Il-każ seħħ fil-lejl ta bejn il-Ġimgħa u s-Sibt fi Triq Dun Ġużepp Gonzi f’Ħal Tarxien.
Flimkien mas-sieħeb tagħha, hi nqabdet minn Pulizija pajzan kmieni s-Sibt filgħodu tħott l-għodda mill-vann misruq fiż-Żejtun.
Fil-Qorti hi qalet li ma taħdimx, minħabba li tieħu ħsieb lil ommha ta’ 70 sena, li hija għamja.
Waqt li wieġbet mhux ħatja, id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest biex tkun tista’ tieħu ħsieb lil ommha. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, minhabba li dan mhux l-ewwel każ tagħha.
Fil-fatt, hi diġà ngħatat sentenza ta’ probation għal każ li wettqet fl-2013. Dan waqt li għad għandha kawżi oħrajn pendenti.
Wara li semgħet iż-żewġ partijiet, il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Anthony Vella, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, minabba fil-fehema tagħha, l-akkużata ma toffrix il-garanziji suffiċjenti skont il-liġi.