Forzi Russi qed jitilqu minn lokalitajiet fl-Ilvant tal-Ukrajna, hekk kif l-Ukreni għaddejjin b’numru t’attakki ta’ suċċess f’din il-parti tal-pajjiż.
Uffiċjali Ukreni qalu li l-forzi tagħhom daħlu fil-belt ta’ Kupiansk, li kienet belt kruċjali għar-Russi fl-Ilvant.
Dawn l-avvanzi, jekk jinżammu, huma l-aktar avvanzi sinifikanti minn April li għadda, meta r-Russi rtiraw minn viċin il-belt kapitali Ukrena, Kyiv.
Fl-indirizz tiegħu is-Sibt, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-Ukreni illiberaw mal-elfejn kilometru kwadru ta’ art mir-Russi.
Dawn is-suċċessi għall-forzi Ukreni qed jagħtu x’jifmu lill-esperti internazzjonali li l-Ukrajna għandha ċans tegħleb lir-Russja minkejja li kienu fi żvantaġġ. Din ir-rebħa jekk isseħħ, hija maħsuba li mhux biss se tillibera lill-Ukreni, iżda lill-pajjiżi kollha fl-Ilvant tal-Ewropa mit-theddida li r-Russja tinvadi lilhom ukoll.