“Fl-aħħar snin kien hemm żieda fin-numru ta’ persuni li qed jitolbu għajnuna minħabba vizzji relatati ma’ drogi rikreazzjonali.”
Stqarr dan il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Oasi, is-Sur Noel Scerri hekk kif f’intervista ma’ ONE News spjega li d-drogi rikreazzjonali bħall-użu tal-kannabis u l-kokaina huma l-iktar popolari fis-suq bħalissa.
Scerri stqarr, “Rajna żieda fil-persuni li qed jitolbu l-għajnuna għal problemi li huma abbuż ta’ drogi relatati ma’ addiction u forsi ta’ min jgħid ukoll li aħna rajna żieda fi drogi li huma kkunsidrati bħala recreational drugs bħalma ngħidu aħna l-kannabis li hija recreational drug, il-kokaina li hija recreational drug.”
Is-Sur Scerri spjega dan fil-kuntest li fl-aħħar snin qed ikun innutat li naqset l-istigma lejn l-użu tad-droga.
Kompla jgħid, “L-użu tad-droga qed issir iktar qed issir xi ħaġa normali. Qed issir part of the norm jiġifieri ma għadx hemm dik l-istigma qawwija, għad hemm ta’ imma m’għadiex bħalma kienet qabel.”
Fil-fatt is-Sur Scerri spjega li hekk kif żdiedet il-popolarità tad-droga rikreazzjonali, drogi iktar b’saħħithom bħall-eroina naqsu fil-popolarità tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv saħaq, “Qabel kien ikollna ħafna iktar persuni li jitolbu għajnuna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ abbuż ta’ eroina. Illum il-ġurnata dik it-trend donnha naqset.”
Fl-2019 il-Fondazzjoni Oasi laqgħet iktar minn 200 persuna fi ħdanha sabiex jirċievu għajnuna f’terapija residenzjali.
Scerri qal, “Minn dawk il-200 għandek madwar 44% minnhom li kellhom problemi relatati ma’ kokaina.”
Dan filwaqt li 25% kellhom problemi relatati ma’ alkoħol filwaqt li 25% oħra kellhom problemi relatati mal-użu tal-Kannabis.
Intant is-Sur Scerri spjega kif fl-aħħar jiem il-Fondazzjoni Oasi flimkien mal-Gvern ffirmaw ftehim ta’ sħubija li ser tara l-fondazzjoni tirċievi miljun u sitt mitt elf ewro fuq perjodu ta’ 3 snin.
Spjega kif permezz ta’ dawn il-flus filwaqt li ser jibqa’ jkun hemm kampanji li joħolqu kuxjenza kontra d-droga ser tiżdied it-terapija li tingħata lil li ngidmu mill-vizzju tad-droga.