Ġiet innutata l-ħidma u r-riformi li saru sabiex f’pajjiżna tissaħħaħ is-saltna tad-dritt, jittejbu s-sistemi u l-mod ta’ kif isiru ħatriet importanti fil-pajjiż.
Dan waqt il-mija tnejn u tletin sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg.
Qal, “Tkellimna fuq diversi temi oħrajn u x’għamlet Malta biex matul l-aħħar sentejn għamlet bidliet u riformi importanti sabiex jekk Alla jrid noħorġu kemm jista’ jkun mill-lista l-griża.”
Il-Ministru Borg innota wkoll il-ħidma li saret sabiex f’pajjiżna ikun implimentat il-pjan ta’ azzjoni kif maqbul mal-Financial Action Task Force, l-FATF.
Din il-ħidma kienet ukoll apprezzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Ministru Ian Borg attenda għall-Kumitat tal-Ministri f’Turin filwaqt li fl-istess żjara kellu wkoll diversi laqgħat bilaterali.
Hawnhekk, il-Ministru Borg esprima wkoll l-impenn ta’ pajjiżna biex jissotometti ismu għall-elezzjoni ta’ siġġu mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li se ssir fid-9 ta’ Ġunju.
Fost il-laqgħat bilaterali, il-Ministru Malti ltaqa’ mas-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit Elizabeth Truss, fejn iddiskutew bosta temi fosthom l-irwol u l-importanza tal-Commonwealth fid-dinja tal-lum u fid-dawl tal-isfidi preżenti.
Fil-laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Italja Luigi Di Maio, il-Ministru Borg iddiskuta miegħu r-rabtiet storiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, l-isfidi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni preżenti fil-Libja.
Il-laqgħat bilaterali issukktaw fost oħrajn mal-Ministri responsabbli mill-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Ċeka, tal-Ungerija, tal-Moldova, tal-Ġorġja, Andorra, San Marino u l-Iżlanda.
Hawnhekk saru laqgħat biex jkomplu jittejjbu r-relazzjonijiet bilaterali ta’ dawn il-pajjiżi ma’ pajjiżna.