Kien grazzi għal kampanja edukattiva li l-WasteServ innutat titjib sinnifikanti li jlaħħaq madwar 42% fil-kwalità tal-iskart li jiġi mormi fil-borża l-griża; iġifieri l-borża li fiha suppost jiġi mormi skart riċiklabbli.
Din il-kampanja kienet imnebbħa mill-fatt li 35% tal-iskart li kien qed jiġi mormi fil-borża l-griża kien skart mhux riċiklabbli.
Wara li ntemmet din il-kampanja edukattiva, din iċ-ċifra naqset għal ftit inqas minn għoxrin fil-mija (20%), liema tnaqqis huwa ekwivalenti għal aktar minn mitejn u sebgħin karozza tal-linja.
Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca spjega, “Sfortunatament dak iż-żmien sibna li madwar 35% tal-materjal li kien qed jintefa’ fil-borża kien ikun skart ħażin iġifieri minn kull mitt kilo kien ikun hemm 35 kilo skart li mhux riċiklabbli u dan kien qed joħloq problemi kbar. L-ewwelnett, konna qed nużaw ir-riżorsi tagħna għalxejn u anki kien hemm skart li kien ta’ periklu bħal skart mediku, annimali mejta sfortunatament, skart organiku illi qatt m’għandu jmur fil-borża tar-riċiklaġġ.”
Is-Sur Bilocca ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex iżur is-sit tal-WasteServ li għandha linji gwida apposta għas-separazzjoni tal-iskart li tinkludi wkoll stampi.
Min-naħa tagħha, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent Miriam Dalli spjegat li dan it-tnaqqis inkoraġġanti huwa kisba notevoli li se jkompli jgħin lill-pajjiżna jilħaq miri ġodda.
Il-Ministru Dalli stqarret, “Dan it-titjib huwa grazzi għal kampanji li għamlet il-WasteServ, anki fl-iskejjel tagħna u għal mod kif qed jirrispondi l-pubbliku in ġenerali għal dawn il-kampanji għaliex nemmen li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u kull min jgħix fil-gżejjer tagħna qiegħed jifhem aktar minn qatt qabel li dak li sa ftit ilu konna narmu u allura għalina kien żibel, illum il-ġurnata dak l-iskart huwa riżorsa.”
Huwa minħabba dan it-titjib li se jippermetti lill-WasteServ taqbeż ċifri rekord li kienu nkisbu wkoll fl-elfejn wieħed u għoxrin.