L-industrija tal-films f’pajjiżna ġiet trasformata kompletament f’dawn l-aħħar snin, hekk kif minflok waħda staġjonali din l-industrija llum qed toħloq xogħol matul is-sena kollha, speċjalment għall-ħaddiema tas-sengħa.
Tant hu hekk li, fl-aħħar ħames snin, dan is-settur attira d-doppu tal-produzzjonijiet li kien hemm għaxar snin ilu u, wara sejħa riċenti għall-ħaddiema u artisti lokali, il-Kummissjoni tal-Films diġà rċeviet aktar minn tmien mitt applikazzjoni ta’ interess.
Riċentement, fil-Parlament, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ħabbar li bejn l-elfejn u tmintax u din is-sena sa issa, inġibdu f’pajjiżna ħamsa u disgħin produzzjoni, filwaqt li bejn l-elfejn u tmienja u l-elfejn u tnax, inġibdu biss tlieta u erbgħin produzzjoni.
Waħda mill-produzzjonijiet riċenti kienet dik ta’ Jurassic World: Dominion, l-ewwel film blockbuster fejn pajjiżna intuża fl-iskript bħala tali.
Il-Ministru Bartolo semma wkoll kif f’Settembru li għadda, ġiet approvata l-bini tal-ewwel soundstage f’pajjiżna, binja li se tħaddan fiha diversi rwolijiet fil-produzzjoni tal-films.
Intant, il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, ikkummenta mal-gazzetta Kullħadd li llum il-ġurnata, meta jiġi studio barrani biex jaħdem produzzjoni f’pajjiżna, isib kull m’għandu bżonn. Qal ukoll li għaddejja ħidma sabiex Malta tkun tista toffri iktar, u b’hekk jissaħħaħ dan il-mutur ekonomiku.
Johann Grech qal li, apparti minn hekk, l-inċentivi li jagħti l-gvern lill-istudios tal-films biex jaħdmu produzzjonijiet f’pajjiżna huma element ieħor li jagħmlu lil Malta destinazzjoni kompetittiva ferm.
Rigward is-sejħa għall-interess għal persuni li jixtiequ jaħdmu f’dan is-settur, huwa stqarr li l-applikanti li jintgħażlu se jirċievu wkoll taħriġ komplut.
L-applikazzjonijiet bħalissa għadhom qed jintlaqgħu, u kull min hu interessat f’din l-industrija jista’ jesprimi l-interess tiegħu billi jżur is-sit elettroniku tal-Kummissjoni tal-films.