Il-proġett SIntegraM, li se tkun qed tmexxi l-Awtorità tal-Ippjanar huwa intiż biex ibiddel il-mod li bih tiġi miġbura u interpretata l-informazzjoni. Il-proġett b’investiment ta’ seba’ miljun ewro ta’ fondi Ewropjew se jikkonverti lil Malta f’ġeografija diġitali li se tkun qed tagħti informazzjoni intelliġenti fil-qasam tal-ippjanar kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar.
Dan il-proġett se jkun qed jippermetti li jittieħdu ritratti tal-ambjent Malti sabiex nifhmu aħjar it-tibdil li jista’ jiġri fl-ambjent.
Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia spjega kif din is-sistema se jkun hemm għajn oħra ta’ seqer fuq l-infrastruttura l-ħadra.
Huwa spjega: “Dan l-apparat u s-software se jintuża mill-Awtorità tal-Ippjanar biex jgħinha tagħmel l-iżvilupp intelliġenti illi pajjiżna tant jeħtieġ. Dan huwa ħarsa ‘l quddiem allura għall-Iżvilupp intelliġenti illi se jkollna illum għada u pitgħada.”
Il-Professur Saviour Formosa qal li dan il-proġett qed isir anki permezz tal-koperazzjoni mal-Università ta’ Malta filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li b’investiment Ewropew qed jitwettaq proġett li qed jiġbor informazzjoni f’sistema waħda ċentralizzata.
Huwa sostna: “Permezz tagħha din id-data miġbura f’din is-sistema l-ġdida se jkun qed jiġi faċilitat il-proċess tal-ippjanar, kif ukoll anke faċilitajiet ġodda bħala parti minn diġitilizzazzjoni aktar wiesgħa fil-qasam ta’ dak li għandu x’jaqsam mal-ippjanar u l-ġeografija ta’ pajjiżna.”
Ritratti: MECP, MFEA_PS