Il-Prim Ministru dalgħodu esprima s-sodisfazzjon tiegħu bl-investiment f’Għawdex u li kumpanija Noovle, sieħeb ta’ Google għażlet din il-gżira għall-investiment tagħha.
“Aħna mal-ewwel iddiriġejnihom lejn Għawdex,” spjega Joseph Muscatwaqt kollegament fuq ONE Radio.
Fisser kif din hi waħda mill-kumpaniji li se jsibu posthom fiż-żona li kienet magħrufa bħala l-fabbrika tal-ħalib. “Hemm ħa nkunu qed naqilbuh f’innovation hub, post fejn ikun hemm kumpaniji simili,” żied Muscat.
Din il-kumpanija ħa tkun qed timpjega 35 persuna. “Meta wieħed iqis li l-iktar jobs huma fir-riċerka, dawn il-jobs fit-teknoloġija, għalija huwa punt importanti ħafna,” qal il-Prim Ministru li żied li l-gvern diġa’ tkellem ma’ Google dwar proġetti oħra.
“Għalija huwa simbolu importanti ħafna ta’ rejuvenation politika u ekonomika li qed isseħħ f’Għawdex,” kompla Muscat.
Tkellem ukoll dwar il-World Forum tal-Medical Cannabis li sar pajjiżna fl-aħħar jiem. Iddeskrivih bħala “xi ħaġa stupenda li tara world leaders f’dan il-qasam… jiġu hawn Malta biex jisimgħu u jaraw dak li qegħdin nagħmlu f’dan ir-rigward.”