Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard innota d-double standards tal-Partit Nazzjonalista u l-establishment fi ħdanu dwar l-attakki fuq l-istituzzjonijiet.
Il-Ministru Attard kien qed jitkellem waqt dibattitu mal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia waqt il-programm ‘XTRA’ fuq l-istazzjon nazzjonali.
“Aħna qatt, b’differenza għall-Partit Nazzjonalista, mill-għaqda Repubblika m’attakkajna personalment membri tal-ġudikatura, sitwazzjonijiet personali tagħhom u hemmhekk ħadd ma jikkummenta, għax hemm l-argument ta’ selettività fil-kritika, hemm l-argument li jgħidulek two weights, two measures. Jien ngħid argument ipokrita ta’ dawk li jikkummentaw biss meta jkun il-Gvern li esprima ruħu fuq sitwazzjonijiet bħal dawn u nemmen li b’mod sistematiku kellna diversi sitwazzjonijiet, inkluż fl-aħħar jiem. Ħadd ma jikkundanna l-fatt li jkollok l-għaqda Repubblika u l-avukat tagħha jsejħu lill-Avukat Ġenerali: laħam mibjugħ u maħmuġa. Hemmhekk idejjaqni, hemmhekk nikkundanna, is-selettività fl-argumenti.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Meta kien mistoqsi dwar l-establishment, l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li dik qed jgħidha l-Partit Laburista.
“Din hi r-retorika u n-narrattiva tal-Partit Laburista.”
Adrian Delia – eks Kap Nazzjonalista
Dan minkejja li kien Delia nnifsu li, lura fi żmien il-konġura kontrih personali, fakkar li l-establishment jeżisti proprju fil-Partit Nazzjonalista. Fost oħrajn f’Ġunju tal-elfejn u dsatax, meta kien qal hekk:
“Kont wieħed minn dawk li għedt diversi drabi li hemm establishment fil-Partit Nazzjonalista.”
Adrian Delia – eks Kap Nazzjonalista
Il-ġimgħa l-oħra f’konferenza tal-aħbarijiet, ONE News ukoll ġeddidlu l-memorja meta semmagħlu x’kien qal dwar l-establishment u spiċċa jibla’ kliemu.
ĠURNALIST: “Fl-2019 irreferejt għall-establishment inti kemm-il darba, insemmagħlek il-clips, ma kontx qed tirreferi għall-Gvern żgur.”
ADRIAN DELIA: “Semmgħali l-clips.”
ĠURNALIST: “U żgur li nsemmagħhomlok.”
ADRIAN DELIA: “Stenna, stenna, stedinni s-Super One.”
ĠURNALIST: “La qegħdin hawnhekk.”
Sadanittant waqt il-programm ‘XTRA’, il-Ministru Attard tkellem dwar id-dubji mqajmin mill-inkjesta fil-konċessjoni tal-isptarijiet mill-Maġistrat Gabriella Vella.
“Terroriżmu politiku bħala dikjarazzjoni hi fil-kuntest ta’ xhur u ġimgħat sħaħ ta’ theddid mill-għaqda Repubblika u esponenti tal-Partit Nazzjonalista, inkluż lejliet li ġiet ippreżentata l-inkjesta. Jason Azzopardi jbassar fuq is-social media tiegħu, ara x’ġej u ara x’mhux ġej u għaldaqstant iva ma tistax ma tikkummentax għax ma nkunux responsabbli jekk ma nikkummentawx fuq il-fatt li t-timing iqajjem dubji u mistoqsijiet u l-poplu dawn il-mistoqsijiet qed jagħmilhom.”
Il-Ministru Jonathan Attard