B’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Agrikoltura, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali u d-Direttorat, tnediet l-ewwel edizzjoni tal-‘Animal Awards’.
Patricia Azzopardi, id-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali spjegat kif in-nominazzjonijiet huma maqsumin f’għoxrin kategorija; għaxra ddedikati lin-nies u għaxra oħra lill-annimali.
Azzopardi sostniet, “Nixtieq ninkoraġġixxi lil kulħadd hemm barra biex jinnomina dak l-annimal li forsi ħassu li għamel xi ħaġa speċjali, forsi bħal dawn li jassistu n-nies li għandhom nuqqas ta’ dawl jew forsi dik il-persuna li ħassu li għamel xi ħaġa speċjali biex salva dik il-kreatura tant sabiħa.”
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali spjegat li permezz ta’ dawn il-premji, se nisimgħu stejjer pożittivi ta’ min għandu għal qalbu l-annimali.
Fl-istess waqt, se jitqajjem aktar għarfien fuq il-ħarsien tal-annimali.
Alison Bezzina qalet, “Jiena nemmen li dawn l-awards se jgħinuna nilħqu dan il-għan u se jagħtu opportunità lill-pubbliku li jirrikonoxxu u juru l-apprezzament tagħhom għall-annimali li tant jagħtuna ferħ f’ħajjitna u għal dawk in-nies jħobbu l-annimali kif suppost.”
Il-Ministru Anton Refalo qal li r-rikonoxximent lin-nies li jiddedikaw ħinhom għall-ħarsien tal-annimali, huwa verament mistħoqq.
Il-Ministru stqarr, “U jien inħeġġeġ għalhekk il-pubbliku li jipparteċipa u jinnomina l-persuni jew l-annimal li jridu sabiex verament dawn l-awards ikun awards li mhux biss jagħmlu sens imma jibqa’ mhux għal-lum imma anke għall-ġejjieni.”
Il-pubbliku jista’ jissottometti n-nominazzjonijiet tiegħu flimkien ma’ xi ritratti jew filmati sal-wieħed u tletin ta’ Awwissu fuq is-sit www.animalawards.gov.mt.