Bl-iswed fuq l-abjad innegozzjajna salvagwardji ċari biex tibqa’ tkun protetta l-pożizzjoni tal-kostituzzjoni ta’ Malta.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela fi Stqarrija Ministerjali fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija dwar is-summit importanti tal-Kunsill Ewropew fi Brusell, li sar ftit tal-jiem ilu.
Il-Prim Ministru tkellem kif f’dan is-summit tqajmu erba’ temi prinċipali fosthom is-sitwazzjoni tal-Ukrajna, il-Lvant Nofsani, is-sigurtà u d-difiża u l-agrikoltura.
Dr Abela spjega li b’parir mingħand l-Avukat tal-Istat, il-konklużjonijiet li Malta nnegozjat b’suċċess, kienu jipproteġu bis-sħiħ il-kostituzzjoni ta’ Malta. U minkejja li hemm pajjiżi li jridu jagħmlu għażliet differenti, il-Prim Ministru aċċenna li Malta se tibqa’ taħdem biex tippromwovi l-paċi.
“Bl-iswed fuq l-abjad Sur President u hija salvagwardja ċara li se tiżġura li bil-proċessi leġiżlattivi li se jibdew fix-xhur li ġejjin dwar it-tema li hemm referenza għalihom fil-kunsill se tkun protetta l-kostituzzjoni tagħna u l-pożizzjoni li jaqbel fuqha unanimament dan il-parlament. Iswed fuq l-abjad u nerġa nirrepetiha din darba għal dejjem b’garanzija mill-aktar ċara u soda.”
Prim Ministru Robert Abela
Dr. Abela saħaq kif fost diversi affarijiet oħra talab biex jasal il-messaġġ li l-kostituzzjoni ta’ pajjiżna trid dejjem tiġi rispettata u l-pożizzjoni ta’ Malta m’għandhiex tkun injorata.
U b’differenza għal dak li qed jimbotta l-Gvern Malti, jiġifieri l-appell favur il-paċi, innota kif fl-aħħar xhur uffiċjali għolja tal-Parlament Ewropew, kienu minn ta’ quddiem biex irewħu l-kunflitt milli jippromwovu l-paċi.
Fil-fatt b’reazzjoni għar-riżoluzzjoni li adotta l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda biex b’mod immedjat ikun hemm waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza, li Malta mhux biss ivvutat favur, iżda ħadmet b’mod kostruttiv biex dan iseħħ, il-Prim Ministru tenna li issa huwa kruċjali li dak li ġie maqbul, jiġi implimentat.
“Nemmen li kien pass kuraġġuż ħafna li jagħti direzzjoni strateġika u politika ċara u nemmen ukoll li iva l-kundizzjonijiet mhumiex dawk li mhux se jimplimentaw ruħhom qatt imma ir-rikonoxximent tal-istat Palestinjan minn pajjiżna għall-Istati membri oħrajn f’dik id-dikjarazzjoni irid eventwalment iseħħ.”
Prim Ministru Robert Abela
Sadanittant, fuq tema oħra, Dr Abela qal li fis-summit il-mexxejja Ewropej qablu li għandu jiġi mgħejjun l-qasam agrikolu u ħabbar li immedjatament se jkunu qed jiġu implimentati soluzzjonijiet li jnaqqsu l-burokrazija, jżidu d-dħul tal-bdiewa u jkollhom is-sapport meħtieġ.
Intant il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu b’messaġġ b’saħħtu favur min irid jagħżel Ewropa bi prinċipji tal-paċi kontra Oppożizzjoni li ma tafx tgħid le għall-gwerer.
“Dwar jekk fit-tmienja ta’ Ġunju irridux Ewropa li tiffoka il-futur tagħha kif evidentement huwa komdu ħafna n-naħa l-oħra madwar l-industrija tal-armi u li ma tafx tgħid le għall-gwerer u għall-armamenti u l-industrija tal-armamenti u jekk irridux Ewropa li tfassal il-futur taċ-ċittadini tagħha kif irriduh aħna madwar il-prinċipji tal-paċi, in-newtralità u madwar il-prinċipji tan-non-allineament u għalhekk in-nies magħna jafu fejn qegħdin.”
Prim Ministru Robert Abela