Il-President il-ġdid tal-Partit Laburista, Ramona Attard bdiet l-indirizz fil-konferenza ġenerali staordinarja billi stqarret li l-Partit Laburista emmen fiha sa mill-bidu u taha l-opportunitajiet kollha biex illum tasal s’hawn. Stqarret li l-fiduċja li urieha l-Prim Ministru Robert Abela turi li l-qofol tal-ħidma fil-Partit hija l-imħabba lejh u lejn pajjiżna.
Ramona Attard spjegat kif kemm-il darba kien hemm min ddubita l-kapaċità tagħha għal dan l-irwol għax hi omm ta’ tlett itfal, fejn ir-risposta tagħha kienet “inlaħħaq bi tlett itfal bħalma jlaħħaq kieku hawn raġel minfloki.” Spjegat kif mara hi kapaċi daqs kull raġel ieħor, u kulħadd għandu jirrikonoxxi dan il-fatt.
Hija appellat lil dawk it-tfajliet kollha li jixtiequ jidħlu fil-politika sabiex ma jaqtgħux qalbhom u jduru lejn il-Partit Laburista li joffri l-opportunitajiet kollha għal dan il-għan.
Hija spjegat kif dak li qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista ma jiddefinixxix il-politika f’pajjiżna.
Hija kkuntrastat l-għaqda li hemm fil-Partit Laburista ftit xhur biss wara elezzjoni għall-mexxej ġdid mal-firda fil-Partit Nazzjonalista tliet snin wara li Adrian Delia ġie elett bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.