Is-Sunday Times, fl-aħħar ħarġa tagħha, żvelat kif madwar 200 tabib jinsabu urtati għat-tmexxija tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, għall-fatt li qed jiġu injorati anke wara li l-ġimgħa l-oħra talbu biex issir laqgħa urġenti.
Xi ħaġa li kompliet tnaffarhom u ttellfilhom il-fiduċja fit-tmexxija tal-għaqda tat-tobba, taħt il-President Martin Balzan. ONE News jinsab informat t-Tnejn filgħaxija, fl-Isptar Mater Dei, mistenni jittieħed vot ta’ fiduċja fl-istess tmexxija ta’ Balzan.
Sorsi li tkellmu mas-Sunday Times qalu wkoll li l-laqgħa ġeneral annwali tal-assoċjazzjoni ilha ma ssir sentejn, fih innifsu diġà fatt inkwetanti, għax jixhed biss arroganza awtoritarja. Huma ġew ikkwotati jgħidu, ġustament, li b’laqgħa ġenerali annwali tista’ tiġi garantita t-trasparenza, fost l-oħrajn.
Martin Balzan kompla jżid il-melħ fuq il-ferita meta, preċedentement, kien qal li laqgħa ġenerali annwali minħabba li l-approvazzjoni tal-kontijiet finanzjarji, li qed jiġu awditjati u approvati separatament, bil-maqlub ta’ dak li kien iseħħ qabel, jiġifieri jiġu approvati fl-istess laqgħa.
Madankollu, is-sorsi tat-Times qalu li din hi biss skuża u li l-MAM mhix xi kumpanija tal-accounts, waqt li tennew li l-assoċjazzjoni hi maħkuma minn għadd ta’ problemi jaħarqu u jibżgħu li, maż-żmien, dawn se jkomplu jikbru.
Irreferew għal stqarrija maħruġa mill-MAM il-ġimgħa l-oħra dwar speċi vot ta’ fiduċja, iżda tennew li, meta seħħ dan, il-votanti kienu biss 11-il membru tal-eżekuttiv.
Il-MAM, il-ġimgħa l-oħra, ordnat direttivi lit-tobba, li jaħdmu f’numru ta’ ċentri tas-saħħa, biex ma jagħtu l-ebda servizz nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa, b’konsegwenzi fuq numru ta’ pazjenti, bil-Gvern jintroduċi servizz ta’ kontinġenza, bi sħubija ma’ tliet sptarijiet privati, għal dawk kollha milqutin.