Ħaddiema mal-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista, Media.link, li tmexxi l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju, fost oħrajn, jinsabu mħassbin dwar il-ġejjieni peress li għadhom iqisu l-impjieg tagħhom f’inċertezza kbira.
Il-Ħadd li għadda, il-Partit Nazzjonalista geżwer l-aħħar ġabra tiegħu tas-sena mal-iskuża li jrid isaħħaħ il-midja tiegħu. Minkejja dan, jidher ċar li dan ir-raġunar jew is-somma miġbura ta’ ftit aktar minn €262,000 mhu se joffru l-ebda serħan il-moħħ jew titjib fis-sitwazzjoni li issa ilhom ikarkru fiha għall-aħħar għaxar snin u iżjed.
Sorsi mill-istess kumpanija, li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet fuq il-kundizzjoni tal-anonimità, stqarrew il-biża’ kontinwa tagħhom li għadhom fil-quċċata tal-miri biex b’xi mod jissolvew il-problemi finanzjarji tal-Partit, li jammontaw fil-miljuni.
“Milied ieħor b’differenza għalina u għall-familji tagħna … mhux għall-aħjar, imma pjuttost għall-agħar,” tennew is-sorsi, waqt li rreferew ukoll għall-kwistjoni l-ġdida bil-ħlasijiet tal-liċenzji mal-Awtorità tax-Xandir, li baqgħu ma tħallsux kif dovut mil-liġi għal diversi snin.
F’Ottubru li għadda, il-gazzetta Illum irrapportat kif l-Awtorità tax-Xandir fetħet rikors kontra l-midja Nazzjonalista wara li, għal numru ta’ snin, ġew injorati twissijiet biex din tkun konformi mal-liġi u tħallas dak li hu dovut minnha.
Il-kawża ġudizzjarja kienet tesiġi wkoll li l-Partit Nazzjonalista jħallas b’mod immedjat is-somma ta’ tmienja u sittin elf ewro.
Is-sorsi fakkru li, sa minn żmien it-tmexxija ta’ Simon Busuttil fl-2013, dejjem kienu huma l-ewwel li laqqtuha, inkluż b’numru ta’ sensji, u komplew li dan l-inkwiet fuq rashom donnu ma jista’ jbatti qatt.
“Nittamaw li l-ġabra issa, la saret tant enfażi fuqna, tmur tassew biex issolvi problemi li aħna ma naħtu xejn għalihom,” saħqu s-sorsi anke jekk ma qagħdux lura milli jesprimu x-xettiċiżmu kemm dan se jseħħ fil-verità.
Matul il-maratona fid-Dar Ċentrali, il-Kap Nazzjonalista u membri oħrajn tal-amministrazzjoni enfasizzaw li l-flus miġburin se jmorru biex tissaħħaħ il-midja tal-Partit, anke jekk, skont ir-rikors, din qed titmexxa u topera kontra l-Liġi tax-Xandir.