Fl-għaxra ta’ Frar, pajjiżna fakkar il-festa tal-qaddis patrun, San Pawl, b’tifkira tal-ġrajja tan-nawfraġju li ġab il-fidi nisranija f’Malta.
Minħabba l-maltemp li laqat lill-gżejjer Maltin, saret biss il-quddiesa pontifikali.
Madankollu, is-Sibt sebaħ b’temp aħjar u wara l-maltempata Helios, għamilha aktar faċli biex iċ-ċelebrazzjonijiet esterni tal-festa ta’ San Pawl, kif previst, isiru waranofsinhar.
Minflok bil-marċ tradizzjonali tas-siegħa, is-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Vallette taħt it-tmexxija tas-surmast Dominic Darmanin, ftit ’il bogħod mill-Knisja ddedikata lil San Pawl, propju fuq it-taraġ ta’ Triq San Ġwann, esebixxiet programm ta’ marci brijużi.
One News kien fost dawk li kienu fil-qalba ta’ din il-festa, li ċertament tqanqal diversi emozzjonijiet u nostalġiji, l-aktar mal-Beltin.
Jonathan Grima, President tas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette tkellem magħna dwar kif il-maltemp affettwa l-festa.
Qal, ‘Is-Socjetà La Vallette daqqet xorta ibieraħ, daqqejna ġos-sede tas-Soċjetà, kien hemm atmosfera sabiħa u kulħadd ħa gost.’
Paul Scerri, prokuratur tal-vara, qasam magħna l-ħsibijiet tiegħu dwar il-vara ta’ San Pawl.
Qal, ‘Hija l-qofol, li toħroġ il-vara huwa biżejjed, m’għadnix għalfejn narmaw, il-vara taghna waħidha tgħaxxaq it-triq, hija kollox għalina.’
Douglas Mifsud, il-President tal-Għaqda tal-Pawlini, saħaq magħna kemm il-Pawlini kienu qed jistennew il-festa ta’ San Pawl b’ħerqa wara l-pandemija.
Qal, ‘Din is-sena kien hemm aspettattiva, sfortunatament it-temp ma kienx favurina pero ħadna l-okkazzjoni li llum, fejn fis-sagħtejn se nagħmlu kunċert mill-Banda La Valette’
Ma’ Stephen Baldacchino li huwa d-Direttur tal-Armar, tkellimna dwar l-armar u kif kien affettwat minħabba l-maltemp.
Qal, ‘Din is-sena kienet waħda mis-snin, li tawna ħafna keded, gimgħa sħiħa, konna bdejna narmaw nhar it-Tnejn, pero erġajna żarmajna kollox. Biss illum il-11 ta’ Frar, b’eċċezzjoni għal snin oħrajn, erġajna armajna ir-rotta kollha minn fejn se jgħaddi San Pawl illejla, sabiex kif xieraq nilqgħuh kif suppost.’
Fl-aħħar nett tkellimna ma’ Hector Bruno li fl-imgħoddi kien involut ferm mal-Għaqda tal-Pawlini.
Qal, ‘Hija xi ħaġa li nkun ilni nistenniha sena sħiħa, meta kont involut mija fil-mija, sa mill-1975, l’hawn bħala segretarju tal-Għaqda tal-Pawlini, imbgħad President, waqqafna il-fergħa taż-żgħażagħ, illum President Onorarju, fil-ġranet tal-festa nkun imħabbat iktar mis-soltu. Fil-ġranet ta’ qabel kont inkun ħafna aktar imħabbat imma mbagħad fl-10 ta’ Frar ikollok is-sodisfazzjon illi qed tiċċelebra mal-prejjem tal-Maltin.’