L-intrapriżi ġodda u n-negozji żgħar u medji fl-isfera tat-teknoloġija issa għandhom l-appoġġ ta’ pjattaforma virtwali sabiex jittestjaw l-prodotti tagħhom qabel jidħlu fis-suq.
Dan permezz ta’ inkubatur virtwali magħruf bħala ‘Technology Assurance Sandbox’.
Il-Kap tat-Teknoloġija fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA, spjegalna li l-proċess huwa maqsum fi tlieta fejn qabel ma jsir l-iżvilupp tal-prodott f’inkubatur virtwali, l-persuna trid timla’ l-applikazzjoni sabiex l-Awtorità tagħmel l-assessjar u l-pjan tal-oġġettivi wara l-prodott innovattiv.
Intqal li l-MDIA se tkun qed tiċċertifika kollox.
Qal, “Is-Sandbox toffri ambjent sigur fejn jistgħu jagħmlu l-iżvilupp tagħhom b’konformità mal-istandards li taddotta l-Awtorità li huma bbażati fuq standards internazzjonali biex bil-mod il-mod, pass wara pass, permezz ta’ dan il-vjaġġ li nagħmlu flimkien mal-applikant ikunu jistgħu jilħqu stadju fejn jingħataw ċ-ċertifikat”
Waqt it-tnedija ta’ dan is-servizz għall-intrapriżi, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri qal li l-ħsieb ewlieni tal-Gvern hu li nkomplu ntejbu u nsaħħu l-prodott lokali diġitali ta’ pajjiżna.
Dan hekk kif fuq naħa għandek il-fornitur li ser ikun jista’ jbiegħ b’rasu mistrieħa prodott li qed jaħdem kif suppost.
Fuq naħa oħra l-fiduċja tal-klijent li ser jinvesti jew jixtri prodott li jkun għadda minn għarbiel ta’ standards għolja, rikonoxxuti fuq livell Ewropew
Qal, “Din is-Sandbox dak li se tkun qed tagħmel, li tagħti t-timbru eventwalment li kif prodott innovattiv, jekk hux l-intelliġenza artifiċjali, jekk hux blockchain jew teknoloġija oħra dak li jkun, il-konsumatur għandu serħan il-moħħ li dak li qed jixtri jew dak li qed jikkonsma huwa propju dak li qed iħallas għalih”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali Dr Joshua Ellul saħaq li l-Awtorità kienet l-ewwel waħda li implimentat is-sandbox filwaqt li pajjiżi oħrajn għadhom fl-ewwel stadji tagħha.