Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici żar il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, skola li għandha l-għan speċifiku li ttejjeb u tikkordina l-edukazzjoni tal-arti performattiva u viżiva f’Malta u Għawdex. Minbarra l-Iskola ta’ Malta għall-Arti Viżiva u Performattiva, il-kulleġġ għandu aktar minn 4,000 student reġistrat li jattendu l-lezzjonijiet fuq bażi part-time, u l-istudenti jvarjaw mill-età ta’ 6 snin sa’ 92.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Owen Bonnici għamel referenza għall-importanza li nintroduċu l-arti performattiva minn kmieni u għamel referenza għall-Iskola ta’ Malta għall-Arti Viżiva u Performattiva, li hija bbażata fuq wegħda elettorali tal-Gvern, biex ikompli jsaħħaħ l-arti fi ħdan il-komunità tagħna.“Permezz ta’ din l-iskola, qegħdin nagħtu għażla oħra fil-vjaġġ edukattiv tal-istudenti ta’ livell sekondarju. Qegħdin nipprovdu lil artisti żgħażagħ bl-opportunità li jkomplu jimirħu fl-abbiltà artistika tagħhom b’mod li jikkonsolidaw il-livelli ta’ talent tagħhom, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-kompetenza tagħhom fis-suġġetti akkademiċi ewlenin.”
“It-twaqqif ta’ dan il-kulleġġ, li fetaħ il-bibien tiegħu f’Novembru 2018, juri l-impenn tal-Gvern biex ikompli jipprovdi aktar possibilitajiet għall-istudenti tagħna, f’kull stadju ta’ ħajjithom”, stqarr il-Ministru Owen Bonnici.
Il-Ministru kien preżenti għal-lezzjonijiet tal-mużika, tal-arti performattiva u viżiva, u għamel laqgħa wkoll mal-edukaturi u l-persunal tal-kulleġġ.